Illum huwa t-tieni jum tal-elezzjoni għal Kap tal-Partit Nazzjonalista, fejn il-Kunsillieri tal-Kunsill Ġenerali qed jintalbu jagħtu l-appoġġ tagħhom lil Bernard Grech biex ikompli l-mandat tiegħu fit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista.
Il-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Nazzjonalista avżat li l-kunsillieri tal-Partit Nazzjonalista li fil-preżent jinsabu msefrin u jixtiequ jeżerċitaw id-dritt tal-vot għandhom jinfurmaw immedjatament lill-Kummissjoni Elettorali biex tinħatar persuna li minflokha – u fuq direzzjoni tal-kunsillier – tkun tista’ tivvota (proxy).
B’kollox huma madwar 1,550 dawk eliġibbi biex jivvotaw f’din l-elezzjoni.
Emendi li kien għamel il-Partit Nazzjonalista fl-Istatut tiegħu, ftit tas-snin ilu, kabbar l-għadd ta’ persuni li jagħmlu parti mill-Kunsill Ġenerali biex issa dan jagħti aktar spazju lil persuni li jkunu jistgħu jifformaw parti minn dan l-ogħla organu tal-Partit.
Il-Kunsillieri tal-Kunsill Ġenerali se jkunu jistgħu jivvotaw il-Ġimgħa bejn il-5pm u d-9pm fid-Dar Ċentrali u bejn il-5pm u t-9pm fis-Sub-Headquarters f’Ta’ Sannat. Il-votazzjoni mbagħad tkompli s-Sibt bejn it-8am u l-5pm f’Malta u bejn it-8am u t-3pm f’Għawdex.
Il-proċess tal-għadd tal-voti jibda eżattament wara li tagħlaq il-votazzjoni….bir-riżultat mistenni joħroġ għall-ħabta tas-7pm.
Dakinhar, Net Television u l-portal NetNews.com.mt se jwasslu aġġornamenti kontinwi kull siegħa, mit-9am ‘l quddiem. Imbgħad, programm speċjali li jibda mill-4 ta’ wara nofsinhar.
//= $special ?>