Lokali

Malta ċentru ta’ traffikar fil-film Jurassic World Dominion

Fl-10 ta’ Ġunju, Malta se tkun qed tingħata prominenza fuq il-big screens ċinematografiċi madwar id-dinja kollha.

Dan hekk kif Jurassic World Dominion, l-aħħar film minn din is-saga segwita minn bosta għal snin twal, se jkun qed jintwera fis-swali taċ-ċinema.

Il-film, li suppost kellu jibda jintwera fit-teatri f’Ġunju tal-2021 iżda ġie pospost minħabba l-pandemija tal-Covid-19 kellu partijiet minnu miġbuda f’Malta …b’xeni fil-qalba tal-Belt Valletta, kif ukoll f’Pembroke, il-Birgu u l-Mellieħa.

Fl-ewwel trailer tal-film li kien ġie mniedi għall-pubbliku lura fi Frar, diversi dinosawri dehru jaqbżu minn bejt għall-ieħor u jiġru fit-toroq tal-Belt partikolarment fi Pjazza San Ġorġ … għall-istagħġib ta’ bosta.

F’intervista mar-rivista ċinematografika Total Film, id-direttur Ameirkan Colin Trevorrow sostna li xtaq jintroduċi id-dinosawri fid-dinja urbana u mhux biss iħallihom fil-park naturali tagħhom.

Huwa spjega li fil-film hemm belt li tidher bi promimenza…li hija proprju l-Belt Valletta.

Trevorrow spjega li fl-istorja…id-dinosawri ma sipiċċawx f’Malta għax riedu huma, imma għax Malta hija ċ-ċentru ta’ traffikar tad-dinosawri…fejn jiġu importati u esportati…mixtrija u mibjughin…u minn hemm, kompla d-direttur, jibda l-kaos.

Huwa saħaq li dan il-film jgħaqqad l-istejjer ta’ Jurassic Park u Jurassic World f’daqqa …. għal għeluq mill-isbaħ u eċitanti tas-saga kompluta.

Fost l-atturi prinċipali li se jidhru f’dan il-film hemm Chris Pratt, Jeff Goldblum, Sam Neill u Bryce Dallas Howard.