Lokali Qorti

Mhux ħati ta’ negliġenza meta skiddja fl-arkata tal-“bombi” u weġġgħu n-nies

Qorti ddeċidiet xufier tal-linja li kien qed isuq meta l-karozza tal-linja tiegħu skidjat il-Floriana fl-2012, fejn weġġg]u’ ‘l fuq minn 20 persuna, ma kienx negliġenti u ma kienx responsabbli għall-inċident. Is-sewwieq ta’ 36 sena minn Ħal Qormi kien ġie mixli li kkaġuna ħsarat fl-arkata storika tal-Portes des Bombes (il-bieb tal-bombi), min]abba sewqan bl-addoċċ u bi traskuraġni kriminali li wasslu biex tal-anqas 10 passiġġier sofrew ġrieħi gravi u 13-il passiġġier weġġgħu ħafif.

Is-sentenza, mogħtija mill-maġistrat Simone Grech, telenka 16-il passiġġier li xehdu. Kważi dawn ix-xhieda kollha qalu lill-qorti li dak il-ħin kienet nieżla x-xita u t-triq kienet imxarrba. Dan kien ikkonfermat minn esperti tal-Qorti maħtura waqt l-inkjesta maġisterjali, li sabu wkoll li t-tyres ma kellhomx il-fond ta’ qabda meħtieġa u qatt ma kellhom jintużaw fuq vettura li tkun għaddejja fit-triq.

Dan it-tort kien jew ġie skartat jew injorat mill-mekkaniks, l-inġinier u s-superviżur responsabbli għall-manutenzjoni, ingħad lill-qorti. Ġie aċċertat ukoll li s-sewwieq kien qed jivvjaġġa b’veloċità kajmana u l-wiċċ tat-triq mhux biss kien imxarrab imma kien hemm xi żejt, bit-triq tiżloq aktar mis-soltu.

Il-Qorti qalet li kull xufier irid jagħti spjegazzjoni li kien fil-kontroll tal-vettura tiegħu waqt li kien fit-triq, u għalhekk kellu jagħti jixhed fuq meta tilef il-kontroll ta’ vettura. F’dan il-każ, l-evidenza wriet b’mod ċar li l-kawża li skiddja b’mod fatali ma kinitx negliġenza tas-sewwieq.

“F’għajnejn il-qorti, kien qed isuq b’attenzjoni u kien ipprova jevita li jaħbat mal-Portes des Bombes..head-on,” qalet l-maġistrat, Ġie osservat ukoll li l-karozza tal-linja ma kinitx tax-xufier, u lanqas ma kien responsabbli għall-manutenzjoni tagħha.

Kienet ġiet spezzjonata minn diversi tekniċi tal-Arriva u kienet saħansitra għaddiet mill-VRT tagħha, qabel l-inċident, innotat il-Qorti, li enfasizzat li dak iż-żmien, ix-xufiera tal-karozzi tal-linja kienu sempliċement allokati rotta u xarabank mill-kumpanija u kienu jużaw it-tagħmir ipprovdut mill-karozza tagħhom minn min iħaddimhom. Billi ma sabet l-ebda ħtija fl-azzjonijiet tas-sewwieq dakinhar, il-qorti illiberatu minn kull akkuża. Għax-xufier dehru l-avukati Stephanie Abela u Vince Micallef.