Lokali Qorti

Minn sentenza ta’ ħabs għal waħda sospiża wara li temm b’suċċess programm

Raġel ta’ 52 sena mill-Belt kellu sentenza ta’ ħabs effettiva għal waħda sospiża mill-Qorti tal-Appell Kriminali wara li minkejja li għal ħafna deher imposibbli li huwa se jsolvi l-probema kbira tad-droga li kien għaddej minnha, għamel moħħu hemm, ħalla kampjuni tal-urina nodfa u wasal biex jiggradwa mill-programm ta’ riabilitazzjoni. Huwa kien ukoll immultat €900 mill-ewwel qorti.

Joseph Anthony Cini appella minn sentenza ta’ 11-il xaħar ħabs li kien ġie kkundannat għalihom mill-Qorti tal-Maġistrati fuq użu tad-droga eroina li nstabet fil-pusses tiegħu f’ċirkostanzi li ma kinitx għal użu personali tiegħu. Huwa kien instab ħati li ttraffika d-droga f’Settembru tal-2007.

Huwa kellu problema ta’ abbuż ta’ droga bil-Qorti tisma’ x-xhieda ta’ uffiċjal tal-probation fejn ħareġ li n-nota mibgħuta mill-Bord tar-Riabilitazzjoni  tikkonferma li l-Bord ra progress kbir fosthom bil-kummenti posittivi fl-aħħar rapport u għalhekk kien qiegħed jikkonsidra il-każ bhala wieħed magħluq.

L-uffiċċjal tal-probation Maryln Formosa stqarret li Cini kien beda il-programm residenzjali tal-Caritas fis-6 ta’ Frar 2020. Dan kien l-ewwel programm li huwa kien daħal għalih u l-professjonisti li kienu jaħdmu miegħu dak iż-żmien kellhom ċerta dubju fuq kemm huwa kien se jirnexxielu jimxi fil-programm.

L-ewwel fażi li beda fiha kienet dik tax-shelter fejn huwa kien dam tmien ġimgħat minflok sitta għaliex kien sabha diffiċli ħafna jissetilja f’dik il-ħajja u minkejja li kien hemm element ta’ progress dan ma kienx wieħed kbir ħafna. Madankollu huwa kien baqa’ miexi ‘l quddiem bil-mod u wara li kien lesta kompla għaddej fit-triq it-tajba.

Il-Qorti tal-appell preseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera qalet li Cini għandu jingħata rikonoxximent minkejja d-diffikoltajiet li iltaqa’ magħhom xorta rnexxielu jgħelibhom u ta’ dan, din il-Qorti tawguralu sabiex jibqa’ fit-triq it-tajba ‘l bogħod mill-ħajja kriminali.

Għaldaqstant il-Qorti qalet li hija tal-fehma li għandha tagħti opportunità lil Cini sabiex ikompli sejjer fit-triq it-tajba li huwa qabad u għalhekk ordnat li l-piena ta’ 11-il xahar ta’ priġunerija jiġu sospiżi għall-perjodu ta’ sentejn mid-data tas-sentenza.

Il-Qorti tal-appell iżda ikkonfermat dik il-parti tal-ewwel sentenza fejn ikkundannat lil Cini iħallas multa ta’ €900 u ikkonfermat ukoll il-parti tas-sentenza fejn tat l-opportunita lil Cini sabiex iħallas il-multa nflitta f’rati mensili u konsekuttivi ta’ €50 fix-xahar. Il_Qorti ordnat ukoll id-distruzzjoni tad-droga. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Victor Aquilina.