Internazzjonali

Ukrajna: L-attakk tar-Russi fid-Donbas hu l-akbar wieħed militari sa mit-Tieni Gwerra Dinjija

L-offensiva tar-Russja fir-reġjun tad-Donbas ( fl-Ukrajna) qed titqies bħala l-akbar attakk militari f’territorju tal-Ewropa miż-żmenijiet tat-Tieni Gwerra Dinjija…Gwerra li kient bdiet fl-1939 u li kompliet sal-1945 meta l-Ġermanja Nażista kienet kostretta li ċċedi lill-qawwiet tal-Alleati.

Il-Ministru Ukren għall-Affarijiet Barranin, Dmytro Kuleba, issa, qed iħeġġeġ lill-pajjiżi sostenituri tal-Ukrajna biex iħaffu t-trasport tal-armamenti u munizzjon lil pajjiżu biex jiddefendi ruħu aħjar quddiem l-aggressjoni ta’ Moska.

L-Ukrajna tinsab fi ħtieġa partikulari għal sistemi li jisparaw numru ta’ missili fl-istess ħin (multiple rocket launch systems) — minbarra l-artillerija li twassal fit-tul u karrijiet armati.

Sadanittant, qegħdin jaslu xorta l-armamenti sofistikati lill-Ukreni – bil-qawwiet tal-President Volodymyr Zelensky, issa, qed jidhru li għandhom il-kapaċità biex jolqtu miri ‘l-aktar imbiegħdin’ għall-ewwel darba mindu l-qawwiet tar-Russja bdew l-invażjoni tal-Ukrajna fl-aħħar jiem ta’ Frar.

Fil-fatt, fl-aħħar sigħat, id-Danimarka bagħtet kunsinna ta’ missili tat-tip ‘Harpoon’ (ta’ manifattura Amerikana) għal kontra l-bastimenti tal-gwerra tar-Russi u li waslu lill-Ukreni f’numru ta’ bnadi viċin il-kosta.