Edukazzjoni Lokali

“Għandha tittieħed azzjoni b’mod immedjat” – Justin Schembri

Ir-rapportaġġi fil-media dwar l-allegat alternazzjonijiet u korrezzjonijiet b’intenzjoni qarrieqa u frodulenti fis-selezzjoni ta’ kandidati waqt l-interviews fl-MCAST hija xokkanti u inaċċettabbli minn kull aspett.

Hekk stqarr il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni Justin Schembri, wara dak li kien żvelat minn The Shift News ftit tal-jiem ilu.

Huwa qal li l-fatt li l-istituzzjoni edukattiva qed tkun akkużata b’falsifikazzjoni ta’ marki tal-interviews biex tiffavorixxi lil min jaqbliha skont “pariri” minn esponenti qrib il-Gvern jikkonferma sens qawwi ta’ kultura bbażata fuq nepotiżmu, arroganza u abbuż u li jimmina l-fiduċja tal-poplu fl-istituzzjoni u fis-sistema edukattiva tal-pajjiż.

Justin Schembri qal li huwa interessanti tassew kif dan il-każ ifakkarna f’uffiċjal għoli fir-Riżorsi Umani fl-MCAST li ilu għal madwar 4 snin jitħallas minkejja li jinsab sospiż u li dwar il-każ, ukoll, baqa’ ma nstema’ jew sar xejn aktar. Huwa saħaq li wara li fil-media qed jidhru partijiet mir-rapport ta’ inkjesta li nżammet moħbija, il-Ministru tal-Edukazzjoni huwa obbligat jieħu rendikont tas-sitwazzjoni u eventwalment azzjoni immedjata sabiex ir-reputazzjoni tal-MCAST ma tkunx kompromessa, dan fl-istess waqt li jifhem li dan il-każ imur lura fi żmien il-Ministri Laburisti ta’ qablu u li naqsu jinvestigaw jew jindirizzaw.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni qal li huwa inaċċettabbli li istituzzjoni bħall-MCAST u uffiċjali għolja fi ħdan il-Kulleġġ u esponenti qrib il-Gvern ikunu implikati f’inkjesta bħal din u jibqgħu ma jittiħdux azzjonijiet fil-konfront tagħhom. Qal li sfortunatament din mhix l-ewwel darba li smajna dwar dan il-każ jew każijiet simili fl-MCAST.

Fil-fatt, fil-25 ta’ Awwissu tal-2021, f’artiklu li deher fil-gazzetta ‘in-Nazzjon’ huwa stess kien kiteb hekk: “Li f’Istituzzjoni Edukattiva daqstant importanti bħall-MCAST ikollna allegazzjonijiet li fihom Uffiċjal fir-Riżorsi Umani qed tallega li saħansitra kienet imġiegħla tagħżel letturi li mhumiex kwalifikati biżżejjed għaliex hekk kienet l-istruzzjoni mill-Ministeru jew mingħand Silvio Debono, mhuwiex biss inaċċettabbli imma possibbilment imur ukoll kontra l-liġi. Li għandna Ministru tal-Edukazzjoni siekta fuq dan l-allegat abbuż, huwa xokkanti fuq diversi livelli: Il-Ministru allegatament qiegħda tiddefendi l-ksur ta’ liġi u mhix qiegħda tieħu azzjoni kontra min allagetament qiegħed jikser il-liġi jew kontra min ippermetta li tinkiser il-liġi taħt it-tmexxija tiegħu”