Sport Sport Ieħor

Għawwiema Maltin fil-Kampjonati tal-Għawm Artistiku f’Budapest

L-Għawwiema Artistiċi Nazzjonali Ana Culic, Zea Montfort u Emily Ruggier qed jirrappreżentaw lil Malta fil-Kampjonati Open tal-Għawm Artistiku Ungeriż f’Budapest. Huma akkumpanjati mill-Kowċ Nazzjonali Michelle Hubner.

L-atleti se jkunu qed jikkompetu fl-avvenimenti tal-Figure, Solo u Duet.  Zea Montfort u Emily Ruggier se jikkompetu fl-avveniment Youth Figures, filwaqt li Ana Culic ikkompetiet fit-Solo Technical Event nhar il-Ġimgħa. Fl-avveniment Figures, Montfort spiċċat fil-ħames post, filwaqt li Ruggier kisbet id-19-il post fost 102 għawwiema.

Fis-Solo Technical Culic irreġistrat l-aħjar punteġġ personali ta’ 70.9079, u spiċċat fil-ħames post. Dawn ir-riżultati jfissru li Malta għelbet it-timijiet nazzjonali Ewropej fil-kompetizzjoni.

Is-Sibt, Ana Culic u Zea Montfort se jikkompetu fl-avveniment Free Solo u Zea Montfort u Emily Ruggier se tikkompeti fl-avveniment Duet Free nhar il-Ħadd. Dawn il-Kampjonati se jospitaw 14-il pajjiż u aktar minn 500 atleta fil-kategoriji kollha tal-eta’.