Sport Sport Ieħor

Ġimgħa pożittiva għall-atleti Maltin fi Spanja

Ġimgħa pożittiva għall-atletika Maltija matul l-24 Edizzjoni tal-Logħob tal-Gżejjer (COJI) fil-gżira ta’ Mallorca.

It-tim Malti tal-atletika kien rappreżentat minn Sonique Gatt, Kareem Chouhal, Shanesia Azzopardi, Paula Sammut Peresso, Aidan Micallef, Mirae Micallef, Anthea Cassar u Jade Borg.

Dan l-avveniment jiġbor fih atleti minn 23 pajjiż f’għadd ta’ dixxiplini differenti.

Avveniment memorabbli għal Sonique Gatt u Kareem Chouhal li kisbu ż-żewġ midalji tad-deheb fl-atletika f’dawn il-Logħob, b’prestazzjonijiet mill-aqwa fil-hammer u d-discus rispettivament, b’dan tal-aħħar jikseb personal best f’din il-kompetizzjoni.

Dan iż-żagħżugħ ġab lura miegħu tliet midalji, waħda minn kull metall, hekk kif kiseb fidda fix-shotput u bronze fil-hammer. Sonique Gatt rebħet midalja tal-fidda wkoll fid-discus.

Riżultati tajbin ukoll għal Shanesia Azzopardi li temmet fil-ħames post fil-100 metru u waslet ukoll fil-finali tal-long jump fejn ġiet fis-seba’ post quddiem Anthea Cassar. Min-naħa tagħha Cassar ġiet ukoll il-ħames fil-finali tat-triple jump.

Mirae Micallef u Aidan Micallef ukoll waslu fil-finali tal-kategoriji rispettivi. Tal-ewwel ġiet is-sitt post fix-shotput filwaqt li Aidan spiċċa fis-seba’ post kem fil-100m kif ukoll fil-200metru. Paula Sammut Peresso daħlet fid-disa’ post fil-100 metru u s-seba’ post fil-200m. Iż-żgħażagħ Maltin taw l-aqwa tagħhom flimkien meta temmew fil-ħames post fir-relay. Id-delegazzjoni tal-atletika Maltija f’Majorka kienet akkumpanjata mill-uffiċjali ta’ Athletics Malta Tony Fava u Antonella Chouhal.

Il-parteċipazzjoni tat-tim Malti kellha l-appoġġ tal-Kumitat Olimpiku Malti.