Lokali

“Il-bidliet proposti għal-Liġi tal-IVF ma jiżgurawx trabi b’saħħithom” – Life Network Foundation

“Il-bidliet proposti mill-Gvern biex idaħħal l-għażla tal-embrijun fil-proċedura tal-IVF mhi xejn inqas minn ewġenika, għax dawn it-tipi ta’ metodi ma jwelldux “tarbija b’saħħitha” imma jipprovdu għodda li tippermetti l-għażla ta’ liema tarbija tgħix u liema tarbija tiġi ffriżata għal dejjem.”

Hekk saħqu numru ta’ għaqdiet fi stqarrija konġunta wara dak li ħabbar il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne aktar kmieni din il-ġimgħa.

L-istqarrija tgħid li kull embrijun kreat permezz ta’ ċ-ċiklu IVF huwa persuna umana distinta. Skont il-proċedura proposta, kull embrijun se jkun ittestjat għall-possibiltà ta’ monogenic disorders. Wara d-dijanjosi, dak l-embrijun biss li ma joħroġx pożittiv għal din il-kundizzjoni jiġi trasferit għall-ġuf tal-omm. L-embrijuni li jinstabu b’xi varjazzjoni mhux mixtieqa jiġu ffrriżati għal dejjem.

Il-Gvern qed jipprova jaħbi din ir-realtà billi jimplika li embrijuni skartati xorta għandhom iċ-ċans li jiġu adottati. F’dawn l-aħħar sentejn, il-ħażna ta’ embrijuni ffriżati żdiedet minn 180 għal aktar minn 300 din is-sena u ma ssemma’ xejn li xi wieħed minnhom ġie adottat.

L-istqarrija tkompli billi tgħid li wieħed ma jistax jifhem kif embrijun li ġie mwarrab mill-ġenituri tiegħu jista’ jkun ikkunsidrat għall-adozzjoni minn ħaddieħor. Hemm konsegwenzi serji meta niksru l-prinċipju fundamentali tal-bniedem li ħadd ma jista’ jiddetermina min għandu jgħix u min għandu jmut. Il-PGT selection imur kontra l-bażi ta’ dan il-prinċipju u jintroduċi ewġenika fejn il-valur tal-bniedem jiddependi fuq is-saħħa tiegħu jew tagħha minflok il-valur intrinsiku tal-bniedem, irrispettivament mill-istadju tal-iżvilupp ta’ dik il-persuna, l-età, r-razza, l-orjentament, is-saħħa jew l-abiltajiet.

L-ugwaljanzi ma tagħżilx, l-ugwaljanza hi universali

L-emendi proposti għal-liġi tal-IVF huma fundamentalment diskiriminatorji għax iqisu bla valur ta’ xejn il-ħajja ta’ persuni li fil-preżent għandhom dawn il-kundizzjonijiet ġenetiċi. L- embrijuni ta’ bnedmin bhalhom u ma jitsħoqqilhomx li intenzjonalment jiġu ffriżati.

Il-liġi proposta tippromwovi mentalità li tiddiskrimina kontra l-persuni b’diżabilità jew kundizzjoni genetika. Illum hawn nies li qed jgħixu b’kundizzjonjiet ġenetiċi.

Huma saħqu li ma nistgħux f’xahar wieħed niċċelebraw l-Olimpijadi Speċjali u f’xahar ieħor nipproponu liġijiet li jċaħħdu t-twelid lil trabi b’kundizzjonijiet ġenetiċi.

“Inħeġġu lill-Gvern biex jikkonsidra l-implikazzjonijiet etiċi u morali li din il-leġislazzjoni ewġenika se tkun qed tintroduċi u jniedi konsultazzjoni xierqa dwar dan il-proċess.”

L-istqarrija kienet maħruġa miċ-Chairman ta’ Life Network Foundation Malta ssekondata mill-għaqdiet  Life Network Foundation Malta, Malta Unborn Child Platform, Id‑Dar tal‑Providenza, Fondazzjoni Arka, Catholic Voices Malta, Moviment ta Kana, Caritas Malta, Peace and Good Foundation, Paulo Freire Foundation, St Jeanne Antide Foundation, Dar Merħba Bik Foundation, Dar Hosea, Society of St Vincent de Paule u The Church Homes for the Elderly.

Intant fi stqarrija separata Doctors for Choice qalu li dak li qalet Life Network Foundation huwa ta’ insult għal dawk il-koppji li għandhom ‘genetic disorder’ filwaqt li stqarrija bħal din turi nuqqas ta’ għarfien bioloġiku.

Fl-istqarrija huma qalu li numru ta’ koppji ma jridux jirriskjaw li jgħaddu l-kundizzjoni li għandhom huma lil uliedhom. Hekk kif sa issa l-uniku għażla li kellhom hija li jonfqu eluf ta’ ewro biex ikollhom PGD-IVF barra minn Malta, spiża li kienu qed iġorru minħabba li kienu sfortunati li twieldu b”genetic disorder’.