Internazzjonali

Ir-Russi jkomplu javvanzaw fil-Lvant tal-Ukrajna

Il-qawwiet Ukreni jafu jirtiraw minn Sevorondenetsk wara li r-Russi qed ikompu javvanzaw fil-Lvant tal-Ukrajna u wara li s-suldati Russi qegħdin jiksbu numru ta’ suċċessi militari fir-reġjun tad-Donbas, li jinsab fil-Lvant tal-Ukrajna.

Il-Gvernatur ta’ Luhansk qal li jekk ir-Russi jiċirkondaw il-belt ta’ Sevorondenetsk, l-Ukreni jafu jirtiraw.

Din l-aħbar ħarġet fid-dawl ta’ rapporti li r-Russi waslu viċin biex jaħkmu il-Belt ta’ Lyman. B’rapporti jgħidu wkoll li r-Russi użaw b’suċċess missila b’saħħitha fil-baħar l-abjad.

L-Ukrajna bħalissa qed titlob numru ta’ armi li jwasslu fit-tul, iżda madankollu l-Istati Uniti u l-Punent naqsu milli jagħmlu dan, bil-Ministru tal-Affarjiet Barranin Ukren qal li f’diskussjoni li kellu mal-Istati Uniti, qed jidher li fis-sigħat li ġejjin, l-Ukreni se jkunu qed jirċievu ammont ta’ armi mill-Punent.

F’messaġġ li għadda l-Ġimgħa, il-President tal-Ukrajna, Volodmyr Zelensky qal li se jagħmel minn kollox biex il-belt ta’ Severodonetsk tibqa’ f’idejn l-Ukreni.

Zelensky, wissa li r-reġjun sħiħ tad-Donbas kapaċi jispiċċa kollu kemm hu diżabitat b’konsegwenza tal-invażjoni mill-qawwiet Russi. Huwa wiegħed li kull belt li r-Russja se tkun qed tkisser, hu flimkien mal-poplu Ukren se jkunu qed jibnu mill-ġdid.

Matul il-lejl il-Kremlin kompliet bl-attakki tagħha fuq din il-Belt, fejn irnexxielhom jaħkmu l-villaġġ ta’ Lyman, li tinsab fil-punent ta’ Severodonetsk.

Filfatt is-suldati tal-President Russu, Vladimir Putin, qed ikomplu jissieltu biex jieħdu aktar zoni strateġiċi fid-Donbas fost l-offensiva kbira fuq l-inħawi ta’ Severodonetsk u Lysychansk. Intant kompliet is-saga tan-nuqqas ta’ ikel fl-Ukrajna, fejn Zelenskyy kellu anki taħditiet mal-PM Brittaniku Boris Johnson. Huwa wiegħed li se jkun qiegħed jikkonvinċi lill-qawwiet tal-punent biex jgħinu f’din l-urġenza. Johnson qal li r-Renju Unit flimkien mal-G7 se jkunu qed jaħdmu biex il-blockade li qed jgħamlu r-Russi jkun imrażżan u jinħolqu toroq apposta u siguri biex jitwasslu l-provvisti neċċessarji.