Lokali

Jinsterqu ammont sostanzjali ta’ flus f’hold up f’B’Kara

Tliet irġiel mgħammda u armati b’armi tan-nar daħlu f’garaxx u serqu raġel ta’ 53 sena. Liema serqa saret għall-ħabta tas-sebgħa ta’ dalgħodu fi Triq Karm Zerafa, Birkirkara.

Il-Pulizija tad-Distrett ta’ Birkirkara u tar-Rapid Intervention Unit (RIU) marru fuq il-post u mill-ewwel stħarriġ li sar irriżulta li tlitt irġiel mgħammda u armati b’armi tan-nar daħlu f’garaxx, li dak il-ħin fuq ġewwa kien hemm raġel ta’ 53 sena.

Jidher li l-aggresssuri rabtuh minn idejh, serqu ammont konsiderevoli ta’ flus kontanti u ħarbu minn fuq il-post. Fuq il-post issejjaħ tim mediku sabiex jagħti l-għajnuna lill-vittma minħabba li kien qiegħed isofri minn xokk.

Il-Pulizija għaddejja bit-tfittxija għall-ħallelin, waqt li l-investigazzjoni qegħdin jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett u mid-Dipartiment tar-Reati Maġġuri.

Il-Maġistrat tal-Għassa Astrid May Grima ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta.