Internazzjonali

Rabja kbira għall-mod kif aġixxiet il-Pulizija

Tkompli tikber ir-rabja fost il-komunita ta’ Texas hekk kif diversi nies qed isostnu li kieku l-Puliżia aġixxiet iktar malajr, kienu jintilfu inqas ħajjiet ta’ studenti u għalliema.

Filfatt id-Direttur tas-Sigurta Pubblika Steven McCraw  ikkonferma li għaddew madwar 40 minuta sakemm il-pulizija daħlu fil-klassijiet tal-iskola. Uffiċjal tal-Pulizija li kien fuq il-post iddeċieda li jistenna sakemm jasal il-purtinar tal-iskola fiċ-ċwievet għax ħaseb li l-ebda tifel jew tifla ma kienu għadhom f’riskju sa dak il-ħin jew li sfortunamenta kienu nqatlu. 

Dan id-dewmien wassal biex il-ġenituri spiċċaw frustrati jistennew barra l-iskola waqt li r-raġel armat kien għadu fuq ġewwa joqtol lil uliedhom. L-aġir tal-Pulizija qajjem rabja pubblika u skrutinju dwar kif huma  aġixxew f’din is-sitwazzjoni.

Huwa mistenni li nhar il-Ħadd il-President Amerika Joe Biden flimkien ma’ martu jagħmlu żjara F’Uvalde Texas.

Min-naħa tiegħu l-eks President Amerikan Donald Trump iddeskriva dan l-attakk bħala wieħed barabu u salvaġġ filwaqt li kkritika lil dak kollha li qed jitolbu sabiex ikun hemm issikkar fil-liġijiet li jirrigwardjaw l-armi.

Matul dan il-massakru f’din l-iskola inqatlu total ta’ 21 persuna fosthom 19-il student li għandhom bejn seba’ u 10 snin. L-aggressur, Salvador Ramos, li kellu 18-il sena, fetaħ in-nar qabel ma nqatel minn uffiċjal tal-Pulizija, bl-investigaturi qed jgħidu li hu kien armat b’pistola semi-awtomatika.