Lokali

ELEZZJONI KAP TAL-PN: Jivvutaw ‘il fuq minn 90% ta’ dawk eleġibbli

Sat-tlieta ta’ waranofsinhar xeħtu l-vot tagħhom iktar minn 78% ta’ dawk eliġibbli li jivvutaw f’din l-elezzjoni. Dan hekk kif illum qed tissokta l-votazzjoni għal Kap tal-Partit Nazzjonalista, liema votazzjoni bdiet dalgħodu fit-8am fid-Dar Ċentrali kif ukoll fis-Sub-Headquarters f’Ta’ Sannat Għawdex.

Għall-ħabta tad-9.30 mar jivvota l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech. Wara, huwa mar Għawdex sabiex jiltaqa’ mal-kunsilliera Għawdxin li qed jivvutaw f’din l-elezzjoni.

Il-votazzjoni f’Malta tibqa’ miftuħa sal-5pm filwaqt li f’Għawdex għalqet fit-3pm. Hekk kif jispiċċa l-ħin tal-votazzjoni, jibda immedjatament il-proċess tar-rikonċiljazzjoni, is-sorting u l-għadd tal-voti … bil-proċess kollu mistenni jintemm għall-ħabta tas-7pm.

Sal-bieraħ ivvutaw total ta’ 51% ta’ dawk eleġibbli li jivvutaw… 1,550 Kunsillier tal-Kunsill Ġenerali. Sabiex dawn ikollhom iktar ċans jivvutaw, il-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Nazzjonalista tat l-opportunità lil dawk bid-dritt tal-vot iżda li jinsabu msefrin… biex jeżerċitaw il-vot tagħhom billi jaħtru persuna minflokom, ħalli tivvota skont id-direzzjoni tal-Kunsillier u wara li jinformaw lill-Kummissjoni.

NET Television, NET FM u NETnews.com.mt se jżommukom kontiwament aġġornati b’dak li jkun għaddej matul il-proċess kollu, fosthom bi programm speċjali li jibda fl-4pm fuq NET Television u NET FM, b’diskussjoni fl-istudio, kif ukoll b’kollegamenti kull siegħa mis-sala tad-Dar Ċentrali.