Rapport li ħareġ mill-Bank Ċentrali ta’ Malta wera li l-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut telgħet għal 5.7% f’April ….minn 4.4% ix-xahar ta’ qabel.
Min-naħa l-oħra, ir-rata annwali tal-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur żdiedet bi kważi 1%… minn 4.5% fix-xahar ta’ Marzu għal 5.4% f’April.
Dawn ic-cifri ikomplu jikkonfermaw kemm qed tgholli rasha l-inflazzjoni, bil-Gvern donnu ftit li xejn qed isib soluzzjonijiet ghaż-żieda enormi fil-prezzijiet. U b’Ministri bħal Julia Farrugia…iserrħu ras in-nies billi jgħidulhom li anke huma jmorru jixtru.
Informazzjoni oħra li toħroġ minn dan ir-rapport tal-Bank Centrali turi li meta mqabbel ma’ Marzu, proporzjon iżgħar ta’ azjendi fis-setturi tas-servizzi u tal-bejgħ bl-imnut, kif ukoll il-konsumaturi stennew li l-prezzijiet se jiżdiedu fix-xhur li ġejjin.
Dawk fil-kostruzzjoni ukoll stennew żieda fil-prezzijiet…filwaqt li l-proporzjon ta’ azjendi li qed jistennew żidiet fil-prezzijiet laħaq livell rekord.
L-Indiċi tal-Bank rigward il-Kundizzjonijiet tan-Negozju għal April jindika li r-rata tat-tkabbir annwali fl-attività kummerċjali baqgħet ogħla mill-medja storika, għalkemm din qiegħda tinnormalizza f’livelli iżjed baxxi mix-xhur ta’ qabel.
L-Istħarriġ tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Fiduċja juri li s-sentiment ekonomiku f’Malta naqas f’April meta mqabbel ma’ xahar qabel…. u kien taħt il-livell ta’ sena ilu.
Meta mqabbla ma’ Marzu, il-fiduċja ddgħajfet fis-settur tas-servizzi u, f’livell inqas, fost il-bejjiegħa… filwaqt li saret negattiva fl-industrija in-ġenerali.
Ir-rapport tal-Bank Centrali juri wkoll li f’Marzu, id-defiċit tal-Fond Konsolidat żdied meta mqabbel ma’ sena qabel, hekk kif l-infiq żdied b’rata iktar mgħaġġla mid-dħul.