Edukazzjoni Lokali

Bżonn li r-reputazzjoni tal-MCAST ma tkunx kompromessa – Justin Schembri

Li istituzzjoni edukattiva qed tkun akkużata b’falsifikazzjoni ta’ marki tal-interviews biex tiffavorixxi lil min jaqblilha skont suppost pariri minn esponenti qrib il-Gvern jikkonferma sens qawwi ta’ kultura bbażata fuq nepotiżmu, arroganza u abbuż, kif ukoll li jimmina l-fiduċja tal-poplu fl-istituzzjoni u fis-sistema edukattiva tal-pajjiż.

Hekk kiteb il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Edukazzjoni Justin Schembri fuq Facebook dwar l-allegati alternazzjonijiet u korrezzjonijiet b’intenzjoni qarrieqa u frodulenti fl-għażla tal-kandidati waqt l-interviews fl-MCAST, li qal li huma xokkanti u inaċċettabbli minn kull aspett.

Justin Schembri kompla li dan il-każ ifakkar lil ħafna f’uffiċjal għoli fir-Riżorsi Umani tal-istess Kulleġġ, li ilu għal madwar erba’ snin jitħallas minkejja li jinsab sospiż, kif ukoll li dwar il-każ tiegħu baqa’ ma nstema’ jew sar xejn aktar.

Għaldaqstant, hu qal li l-Ministru tal-Edukazzjoni hu obbligat jieħu rendikont tas-sitwazzjoni u eventwalment jieħu azzjoni biex ir-reputazzjoni tal-MCAST ma tkunx kompromessa, partikolarment wara li fil-media dehru partijiet mir-Rapport ta’ Inkjesta li nżammet moħbija.

Il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista kompla li hu inaċċettabbli li istituzzjoni bħall-MCAST u uffiċjali għoljin tal-Kulleġġ, kif ukoll esponenti qrib il-Gvern, ikunu implikati f’Inkjesta bħal din u jibqgħu ma jittieħdu azzjonijiet fil-konfront tagħhom.

Hu fakkar kif f’Awwissu tas-sena li għaddiet, kiteb fil-ġurnal In-Nazzjon kif fl-MCAST mhux aċċettabbli li Uffiċjal fir-Riżorsi Umani allegat li kienet imġegħla tagħżel Lecturers li mhux kwalifikati biżżejjed għax kellha istruzzjoni mill-Ministeru.

Spjega li dan kollu hu xokkanti fuq diversi livelli, fosthom li l-Ministru ta’ dak iż-żmien allegatament baqgħet tiddefendi l-ksur ta’ Liġi u ma ħaditx azzjoni kontra min allegatament kiser il-Liġi jew ippermetta li tinkiser il-Liġi taħt it-tmexxija tiegħu.