Lokali

Għaliex Iosif Galea tħalla jsiefer minkejja li kellu mandat ta’ arrest Ewropew?

Bosta jinsabu perplessi dwar kif u għal liema raġuni Iosif Galea tħalla jidħol u joħroġ minn pajjiżna mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta…minkejja li kien ilu madwar sena b’mandant ta’ arrest Ewropew fuq rasu mill-Pulizija Ġermaniża.

Dan hekk kif il-konsulent tal-gaming, li fl-aħħar jiem spiċċa wkoll mfittex mill-Qrati Maltin, ġie arrestat fl-Italja mill-Guardia di Finanza – arrest li seħħ ftit tal-jiem ilu fuq każ separat b’rabta ma’ investigazzjoni mwettqa mill-Pulizija Ġermaniża rigward evażjoni ta’ taxxa.

Sorsi qrib il-ġurnal Times of Malta spjegaw li Galea siefer barra minn xtutna darbtejn qabel din il-vaganza u tħalla joħroġ u jidħol fil-pajjiż qisu mhux hu….minkejja l-mandat ta’ arrest Ewropew.

Diversi persuni staqsew kif din il-persuna tħalliet tagħmel dan minkejja l-mandat ta’ arrest li kellu fuqu…bil-poplu jistenna tal-inqas spjegazzjoni mill-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà dwar x’wassal għal dak li qed ikun deskritt bħala fjask.

Galea ġie arrestat waqt li kien vaganza fl-Italja ma’ grupp ta’ ħbieb. U kumbinazzjoni… kien hemm miegħu l-eks Prim Ministru Joseph Muscat.

Il-ġurnal Times of Malta inevitabbilment staqsa lil Muscat dwar dan kollu, bl-eks Prim Minsitru jisħaq li ma kellux idea li Galea kellu mandat ta’ arrest fuqu u li jafu għax huwa l-għarus ta’ ħabiba tal-familja. F’nifs ieħor madanakollu huwa qal li qatt ma kellu relazzjoni professjonali…jew personali miegħu.

Galea, li għandu kumpanija li toffri konsulenza dwar il-gaming, kien iservi wkoll bħala compliance officer fi ħdan l-Malta Gaming Authority li fi snin preċedenti kienet iġġib l-isem ta’ Lotteries and Gaming Authority.

Iosif Galea inħariġlu wkoll mandat ta’ arrest minn Malta rigward allegat racket ta’ leaks ta’ informazzjoni sensittiva mir-regolatur li hekk kif jinsab suspettat li  għadda din l-informazzjoni lil xi persuni interessati…kif ukoll b’rabta ma’ ħasil ta’ flus u evażjoni ta’ taxxa.

Net News bgħat e-mail lill-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà b’sensiela ta’ domandi dwar dan il-każ….madanakollu s’issa għadna mingħajr risposta.