Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: ‘L-ebda ħsieb li jużaw l-armi nukleari…’

L-Ambaxxatur Russu għar-Renju Unit, Andrei Kelin, qal lill-Istazzjon tal-BBC li ma jaħsibx li r-Russja għandha, ‘il quddiem, tuża l-armamenti nukleari fil-gwerra tal-Ukrajna.

Kelin deher li kien qed jipprova jtaffi l-inkwiet dwar ‘dimensjoni ġdida u mill-aktar perikoluża’ għal din il-gwerra —  u wara li Moska indikat il-possibbiltà li tuża tip ta’ armi nukleari, magħrufin bħala ‘tactical nukes’, u li jħallu l-impatt tagħhom f’zona speċifika fejn ikunu għaddejjin il-battalji.

Iżda l-ambaxxatur, fl-istess ħin, ċaħad li l-qawwiet Russi qegħdin jibbumbardjaw liz-zoni residenzjali tal-ibliet Ukreni li huma pakkjati biċ-ċivili.  Hu, fl-istess ħin, ipprova jwarrab l-allegazzjonijiet dwar reati tal-gwerra mill-qawwiet Russi fl-inħawi ta’ Bucha bħala ‘gideb u qlajjiet’.

Intant, Andrei Kelin sostna li l-mexxejja tar-Russja ma qalu qatt li kellhom l-intenzjoni li jaħtfu l-kontroll fi Kiev, il-kapitali tal-Ukrajna u fejn saħaq li ‘ma jaħsibx li hu possibbli li din il-kapitali taqa’ f’idejn ir-Russi’.

L-ambaxxatur Russu, imbagħad, irrifjuta li jindirizza d-domandi dwar is-sitwazzjonijiet fejn is-suldati ta’ pajjiżu wettqu diversi reati tal-gwerra u atroċitajeit oħra fl-artijiet tal-Ukrajna.

U l-ambaxxatur Kelin, fl-aħħarnett, aċċetta li l-belt Ukrena ta’ Mariupol spiċċat meqruda mill-attakki kontinwi tar-Russja . Dan filwaqt li hu kkritika lil Liz Truss, il-Ministru tar-Renju Unit għall-Affarijiet Barranin, bħala ‘persuna aggressiva ħafna’