Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Vladimir Putin imħeġġeġ biex jidħol f’taħditiet diretti ‘u serji’ mal-President Zelensky

Il-Mexxejja ta’ Franza u l-Ġermanja fl-aħħar sigħat, ħeġġew lill-President tar-Russja, Vladimir Putin, biex jidħol f’taħditiet ‘serji u diretti’ mal-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky,. Dan bil-għan li jittieħdu l-inizjattivi lejn il-waqfien tal-gwerra fl-artijiet Ukreni li ilha għal aktar minn erba’ xhur.

Il-Kanċillier Ġermaniż Olaf Scholz u l-President Franċiż Emmanuel Macron iddiskutew is-sitwazzjoni ma’ Putin waqt telefonata ta’ 80 minuta — biż-żewġ Mexxejja tal-Punent jinsistu għal ‘waqfien mill-ġlied immedjat ( fl-Ukrajna) flimkien mal-irtirar tat-truppi Riusi mill-artijiet li qegħdin jokkupaw.

Min-naħa tiegħu, Putin – skont il-kelliema f’Moska – qal li hu dispost biex jiftaħ djalogu ġdid mat-Tmexxija fi Kiev. Madankollu ma ssemmiet l-ebda  possibbiltà li l-President Russu għandu, ‘il quddiem, jidħol f’taħditiet diretti mal-President Zelensky.

Volodymyr Zelensky ilu l-jiem jindika li ‘mhux daqshekk ħerqan’ għal taħditiet mar-Russja, iżda hu, fl-istess ħin, irrikonoxxa li jista’ ikun hemm ħtieġa għal djalogu ‘bilfors’ biex din il-gwerra tintemm.

Id-delegazzjonijiet tal-Ukrajna u r-Russja kellhom diversi laqgħat – wiċċ-imb-wiċċ u bil-mezzi remoti – mindu r-Russi invadew l-artijiet Ukreni fl-24 ta’ Frar. Madankollu, qed jidher li, fl-aħħar ġimgħat, staġnaw sew l-isforzi kollha lejn xi forom ġodda ta’ djalogu.

Intant, u waqt it-telefonata, Macron u Scholz anki talbu lil Putin biex ineħħi l-assedju fuq il-port ta’ Odessa, fl-Ukrajna, u jippermetti għall-esportazzjoni mill-ġdid tal-qamħ minn dik iz-zona.

Min-naħa tiegħu, il-Kremlin qal li Putin offra li jistudja l-għażliet quddiemu bil-ħsieb li jindirizza l-potenzjal ta’ kriżi tal-ikel fuq livell globali – bil-Mexxej Russu anki qed jinsisti biex il-Punent ineħħi s-sanzjonijiet fuq pajjiżu. Dan waqt li r-Russja, fl-istess ħin, wissiet lil Franza u l-Ġermanja biex ma jżidux il-provvisti tal-armamenti lill-Ukrajna, b’Moska ssostni li dan l-aġir ‘għandu jservi biss biex iżid l-istabbilità’ fir-reġjun iddominat mill-gwerra.