Lokali Saħħa

Il-ħidma fid-Dipartiment tal-Emerġenza titlob dedikazzjoni u sagrifiċċju – il-Clinical Chairperson tad-Dipartiment

“Dan hu xogħol ta’ 24 siegħa kuljum għal sena sħiħa, mingħajr waqfien”.

Hekk stqarr matul il-programm NET Live, il-Clinical Chairperson tad-Dipartiment tal-Emerġenza fl-Ipstar Mater Dei Patrick Farrugia waqt li kien qed jispjega x-xogħol ta’ kuljum u s-sagrifiċċji li jagħmlu diversi Tobba u Infermieri li jaħdmu f’ dan id-Dipartiment.

Patrick Farrugia kompla li d-Dipartiment jikkoordina r-rispons meħtieġ għad-diversi każi ta’ emerġenza, li saħansitra ġieli laħqu għal madwar 10 każi fis-siegħa.

Hu kompla li x-xogħol fid-Dipertiment tal-Emerġenza hu wieħed kumpless ħafna, hekk kif l-Infermieri u t-Tobba jkollhom jadattaw b’mod differenti għal kull każ li jkun irrappurtat.

Patrick Farrugia spjega li diversi każi rrappurtati jkunu validi bħala każi ta’ emerġenza, filwaqt li oħrajn ikunu jistaw jinqdew mingħajr l-involviment tad-Dipartiment.

Min-naħa l-oħra, f’każi bħal inċidenti gravi, xogħol l-istaff tad-Dipartiment ma jkunx biss li jieħu ħsieb lill-vitma, iżda anke li jikkuntattja u jkun ta’ appoġġ għall-familja tal-vitma, li minnha nfisha hi xi ħaġa important ħafna.

Hu tenna l-appell lill-poplu kollu biex ikompli josserva r-regoli tat-toroq, ladarba hu ċar li l-inċidenti tat-traffiku huma l-akbar kawża ta’ mwiet traġiċi. Barra minhekk, hu rrimarka wkoll li hu importanti li nkomplu nuru r-rispett lejn xulxin, hekk kif inċident wieħed jista’ jfarrak il-ħajja ta’ diversi persuni jew iħallihom b’diżabbiltà għal għomorhom.