Lokali

Imut Tony Zarb fl-età ta’ 68 sena

Tħabbret il-mewt tal-eks Segretarju Ġenerali tal-GWU Tony Zarb.

Hu miet il-Ħadd waranofsinhar fl-età ta’ 68 sena u l-aħbar ħarġet minn ibnu Elton, li fuq Facebook kiteb li qatt ma basar li kien se jikteb dan il-messaġġ u li m’għandux kliem f’dan il-mument.

Tony Zarb jibqa’ magħruf mas-sehem tiegħu fit-trejdunjoniżmu Malti, hekk kif kien Segretarju Ġenerali tal-GWU għal 17 sena (bejn l-1998 u l-2015) u għall-aħħar sentejn bħala s-Segretarju tal-Għaqda Pensjonanti tal-istess union.

Fl-aħħar xhur, saħħet Zarb bdiet sejra lura, għalkemm baqa’ sal-aħħar jipparteċipa fix-xena politika b’kummenti partiġġjani fuq Facebook, iżda wkoll b’intervent imqanqal matul attività politika li l-GWU organizzat għal-Labour matul l-aħħar kampanja elettorali.

Fost dawk li rreaġixxew għall-mewt ta’ Tony Zarb kien hemm il-Partit Nazzjonalista u l-Kap tal-Partit Bernard Grech, li wasslu l-kondoljanzi tagħhom lill-familja tiegħu. Messaġġi ta’ kondoljanzi waslu wkoll minn diversi politiċi miż-żewġ naħat, fosthom mill-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għax-Xogħol Ivan Castillo.