Lokali

Reazzjonijiet pożittivi għall-vot b’saħħtu li kiseb Bernard Grech fil-Kunsill Ġenerali

Se nsarraf il-vot b’saħħtu li tawni l-Kunsillieri tal-Kunsill Ġenerali f’aktar ħidma b’risq pajjiżna u b’risq il-Partit Nazzjonalista.

Hekk kiteb il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech f’messaġġ ta’ ringrazzjament fuq Facebook, ftit tal-ħin wara li ngħata l-appoġġ ta’ aktar minn 80 fil-mija tal-votanti eliġibbli.

Vot li kien imfaħħar anke mill-gazzetti lokali, fosthom il-MaltaToday li qalet li Bernard Grech ingħata mandat b’saħħtu, filwaqt li kkwotatu jgħid li l-proċess ta’ għaqda, dixxiplina u ristrutturar fil-Partit Nazzjonalista jibda hawn.

Anke l-gazzetta Illum sejħet il-vot fil-Kunsill Ġenerali bħala wieħed ċar ta’ fiduċja fil-konfront ta’ Bernard Grech, filwaqt li kkwotat ir-riformi kbar li jixtieq jagħmel fil-Partit, partikolarment b’rijorganizzazzjoni u anke l-importanza tad-dixxiplina.

Anke l-gazzetta tal-GWU ikkwotat il-messaġġ tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista fl-għeluq tal-Kunsill Ġenerali, fost l-oħrajn kif dan il-vot kien messaġġ li l-Partit għandu jkompli jissaħħaħ.

U l-gazzetta Il-Mument irrapportat kif, fid-diskors tiegħu matul il-Kunsill Ġenerali, Bernard Grech qal li b’dan il-vot, flimkien se niddisinjaw u nwelldu partit aħjar. Dan filwaqt li kkommetta ruħu li se jkompli jżur kull lokalità ħalli jżomm il-kuntatt man-nies bħala prijorità.

Min-naħa l-oħra, il-gazzetta tal-Partit Laburista ħadet lill-qarrejja tagħha kważi 20 sena lura, hekk kif irrepetiet l-iżball li l-Labour għamel fir-Referendum għas-Sħubija fl-Unjoni Ewropea billi kkalkulat lil dawk li ma marrux jivvotaw daqslikieku vvotaw le.

Fil-fatt, fil-faċċata tagħha, il-gazzetta Laburista kkwotat biss lil dawk eliġibbli fil-Kunsill Ġenerali u għalhekk, anke jekk persuna ma marritx tivvota għax kienet ma tiflaħx, għall-Partit Laburista, dan daqslikieku vvota le.

Fl-2003, meta pajjiżna vvota biex jissieħeb fl-Unjoni Ewropea, il-Partit Laburista kien uża l-istess tattika, tant li ħafna kienu nnotaw kif persuni li laħqu mietu mill-pubblikazzjoni tar-Reġistru Elettorali, għalih daqslikieku ma kienux iridu s-Sħubija Sħiħa.