Kemm il-poplu Malti f’pajjiżna u kemm l-entitajiet/l-awtoritajiet Ewropej jafu li dan mhux minnu sal-punt li sal-lum għadu jkaxkar saqajh milli jħalli l-istituzzjonijiet jaħdmu biex il-korruzzjoni u l-abbuż tal-poter ma jkomplux ikunu l-ordni tal-ġurnata.
“Il-Gvern Laburista Malti qed jagħti l-impressjoni li kollox miexi tajjeb. L-impressjoni li qed jagħti hi li bil-ftit riformi li saru, is-saltna tad-dritt f’Malta qed tiġi salvagwardjata. B’dan ir-raġunament, il-Gvern Malti qed jippretendi li ħadd ma jista’ jikkritikah għaliex wettaq xi riformi.
“Iżda l-verità sagrosanta kulħadd jaf x’inhi. Kemm f’Malta u anki fl-Ewropa. Kulħadd jaf li hu evidenti li għandna l-istituzzjonijiet li mhumiex jitħallew jaħdmu. Dan il-kontroll assolut mill-Gvern irid jinqata’ biex l-isituzzjonijiet jaħdmu bla xkiel. L-istituzzjonijiet qegħdin hemm għas-servizz tal-poplu u mhux għas-servizz tal-ftit nies li huma fil-poter.”
Din id-dikjarazzjoni għamilha ma’ Il-Mument, l-Ewro Parlamentari Nazzjonalista David Casa f’intervista wara li f’temp ta’ ftit jiem il-Gvern Laburista ta’ Robert Abela dabbar tliet twissijiet minn entitajiet/awtoritajiet Ewropej li wissew li l-affarijiet f’pajjiżna ma jistgħux jibqgħu kif kienu fl-aħħar snin u kif inhuma fil-preżent bl-abbuż tal-poter u l-korruzzjoni jibqgħu għaddejjin għas-sempliċi raġuni li l-istituzzjonijiet li suppost iħarsu d-demokrazija u l-Ġustizzja mhumiex jitħallew jaħdmu u jiffunzjonaw kif mixtieq u kif mistenni f’soċjetà suppost demokratika fi ħdan l-Unjoni Ewropea.
It-test sħiħ tal-intervista ma’ David Casa (DC) hu dan:
JM: X’inhuma r-reazzjonijiet tiegħek għar-Rapport GRECO u x’taħseb dwar il-konklużjonijiet tiegħu u l-effetti fuq pajjiżna?
DC: Ir-Rapport ippubblikat mill-GRECO juri li l-Gvern Malta għadu ma ħadem xejn fuq ir-rakkomandazzjonijiet li taw lill-Istat biex jiġġieled il-korruzzjoni.
Il-Gvern qed jibqa’ jiddetta li jimpjega lil min irid fis-servizz pubbliku bl-iskuża tal-persuni ta’ fiduċja. Ir-rakkomandazzjoni tal-GRECO hija biex ikun hemm struttura u proċedura stabbilita biex ikun hemm numru limitat ta’ persuni li jidħlu bħala persuni ta’ fiduċja.
Mhux talli injora lill-GRECO, iżda l-Gvern injora wkoll ir-rakkomandazzjoni dwar il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika.
Għalkemm il-Gvern jiftaħar tant għaliex fetaħ dan l-Uffiċċju, il-GRECO jindika fir-Rapport tiegħu dwar Malta li l-Kummissarju għall-Istandards m’għandux biżżejjed poteri biex irażżan l-aġir ħażin mill-uffiċjali pubbliċi.
JM: X’inhuma r-reazzjonijiet għar-Rapport Pace u x’taħseb dwar il-konklużjonijiet tiegħu u l-effetti fuq pajjiżna?
DC: Fir-Rapport li ħarġu l-membri tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (PACE), dawn il-membri qegħdin isejħu lil Malta biex tonora l-obbligazzjonijiet li għandha bħala membru tal-Kunsill tal-Ewropa.
Għalkemm jgħidu li l-Awtoritajiet u l-Parlament Maltin irreaġixxew b’riformi sempliċi biex jindirizzaw in-nuqqasijiet, dawn kienu biss pass żgħir u għaldaqstant qalu li dan wassal biex indirizzaw biss “parzjalment” it-tħassib u n-nuqqasijiet li kienu tkellmu dwarhom.
Għad hemm bżonn urġenti ta’ riforma komprensiva u olistika tal-istituzzjonijiet demokratiċi ta’ Malta u s-sistema ta’ kontrolli u bilanċi.
JM: B’mod ġenerali dawn ir-Rapporti xejn sbieħ fuq pajjiżna kif jintlaqgħu mill-MEPs Ewropej? X’jgħidulek?
DC: Il-ħidma tiegħi fil-Parlament Ewropew hija ffukata fuq li nġib aktar drittijiet għaċ-ċittadini Maltin u Għawdxin. Bla dubju rapporti bħal dawn ikunu qed ixekklu l-ħidma tiegħi biex inġib kemm jista’ jkun drittijiet għalina lkoll.
Bħalma jien inkun qed inġib l-interessi tal-Maltin u l-Għawdxin fil-Parlament Ewropew, l-interess tal-kollegi tiegħi minn pajjiżi oħra jkun primarjament il-pajjiż tagħhom. Meta jaraw li Malta ma tkunx qed issegwi l-liġijiet ovjament jitkellmu u jaraw li s-sitwazzjoni tinbidel.
JM: Naturalment fin-nofs hemm ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna. Illum x’reputazzjoni qed igawdi fil-fora internazzjonali?
DC: Eżatt, dik hi l-problema. Li meta l-Gvern Malti jinjora dawn ir-rapporti, jkun qed ixellef difru mal-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet Ewropej.
Semmejna dawk iż-żewġ rapporti riċenti, iżda dawn ir-rakkomandazzjonijiet ma smajniehomx dis-sena għall-ewwel darba. Ilna għal diversi snin nisimgħu li l-Gvern Malti għandu jagħti każ ir-regoli u jagħmel riformi biex jissalvagwardja d-demokrazija u s-saltna tad-dritt. Iżda dawn ftit li xejn ġew attwati għaliex għall-Gvern Laburista din qatt ma kienet prijorità.
JM: X’inhi r-raġuni jew raġunijiet li l-Gvern Laburista qiegħed ikollu numru ta’ rapporti minn entitajiet barranin li huma awtorità fihom infushom iżda mbagħad ma jimplimenta xejn, jew kważi xejn, mir-rakkomandazzjonijiet li jagħmlu?
DC: Il-Gvern Malti qed jagħti l-impressjoni li kollox miexi tajjeb. L-impressjoni li qed jagħti hi li bil-ftit riformi li saru, is-saltna tad-dritt f’Malta qed tiġi salvagwardjata. B’dan ir-raġunament, il-Gvern Malti qed jippretendi li ħadd ma jista’ jikkritikah għaliex wettaq xi riformi.
JM: Int stess għidt din il-ġimgħa li l-passi fid-direzzjoni t-tajba huma ftit li xejn jew ma jeżistux min-naħa tal-Gvern Malti. Għaliex taħseb li qed jiġri hekk? Għaliex din l-attitudni mill-Gvern Malti?
DC: Din il-ġimgħa kien hawn f’Malta delegazzjoni tal-Parlament Ewropew mill-Kumitat LIBE, tal-Libertajiet Ċivili u l-Ġustizzja. L-MEPs minn dan il-kumitat żaru Malta u ltaqgħu mal-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż biex jiddeterminaw l-iżviluppi li saru fil-qasam tal-ġustizzja f’Malta. Fil-konferenza tal-aħbarijiet li taw indikaw li saru ftit riformi u għadu kmieni wisq biex issir analiżi tal-effetti tagħhom fuq id-demokrazija Maltija.
Dan mhux qed ngħidu jien biss. Qed jgħiduh ukoll Membri tal-Parlament Ewropew ta’ integrità u li ġejjin minn partiti u pajjiżi differenti. Ewlenija fosthom hija l-MEP Sophie in’t Veld li ġejja mill-grupp politiku Renew, partit miċ-ċentru li m’għandux x’jaqsam mad-delegazzjoni Nazzjonalista u lanqas dik Laburista.
Bħala Kap tad-Delegazzjoni li ġiet f’Malta biex tistħarreġ is-saltna tad-dritt hija appellat lill-Gvern biex jaġixxi bla dewmien. Qalet li mil-laqgħat li kellhom bħala delegazzjoni, jidher ċar li għall-Gvern,
riformi bħal dawn m’għadhomx prijorità u għaldaqstant jeħtieġ sforz akbar biex issir il-bidla meħtieġa.
JM: Spiss nitkellmu dwar l-impunità. X’inhuma l-ħsibijiet tiegħek dwar dan? Mela l-liġijiet mhumiex suppost l-istess għal kulħadd?
DC: Dan hu punt kruċjali. Diversi rapporti esprimew dan in-nuqqas kbir mill-Awtoritajiet Maltin. Ewlieni fosthom huwa r-rapport tal-Inkjesta Pubblika dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.
Din l-Inkjesta Pubblika kienet sabet li teżisti impunità mill-Istat Malti.
Hu evidenti li għandna l-istituzzjonijiet li mhumiex jitħallew jaħdmu. Dan il-kontroll assolut mill-Gvern irid jinqata’ biex l-istituzzjonijiet jaħdmu bla xkiel. L-istituzzjonijiet qegħdin hemm għas-servizz tal-poplu u mhux għas-servizz tal-ftit nies li huma fil-poter.
Il-Prim Imħallef Emeritu Joseph Said Pullicino, li mexxa l-inkjesta pubblika, iddeskriva xogħol il-bord bħala esperjenza trawmatika. Dan għaliex sab li kien hemm kompliċità attiva fil-korruzzjoni f’livelli għoljin li rabbiet l-għeruq u nxerrdet ħafna aktar milli stenna.
JM: Għaliex tant tkaxkir tas-saqajn f’għadd ġmielu ta’ investigazzjonijiet? Għaliex tant kriminali puliti jibqgħu jiġġerrew barra? Imma aħna sirna pajjiż mhux normali? Fejn l-illegalitajiet bdew jitqiesu xejn mhu xejn?
DC: Għaddew issa aktar minn erba’ snin u nofs mill-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia u l-ġustizzja għadha ma saritx. Mhux biss f’dan il-każ, iżda kif għidt tajjeb inti f’għadd ġmielu ta’ investigazzjonijiet.
Dan iwassal biex il-vittmi u l-familjari tal-vittmi jgħaddu minn snin ta’ martirju, jistennew il-ġustizzja ssir. Il-proċeduri fil-Qrati għaddejjin b’ritmu kajman wisq tant li wħud mill-każijiet itulu għal snin twal ħafna.
Nemmen li jekk il-Gvern ikollu rieda li jibdel din is-sitwazzjoni, jista’ jagħmel dan billi jagħti aktar riżorsi lill-awtoritajiet ġudizzjarji, b’aktar ħaddiema fil-Qorti u anki esperti biex jgħinu fl-investigazzjonijiet.
Il-gvern jista’ jbiddel is-sitwazzjoni jekk ikollu r-rieda li jaġixxi.
//= $special ?>