Lokali

Wara l-elezzjoni għall-ħatra ta’ Kap tal-PN: Żmien ta’ ħidma, żmien ta’ deċiżjonijiet – Joe Zahra, eks Editur ta’ In-Nazzjon u Opinjonista

“Wara li matul il-ġurnata tal-bieraħ kompliet u ntemmet l-elezzjoni għall-ħatra tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista, nemmen li minn issa ’l quddiem hu żmien ta’ ħidma u deċiżjonijiet.

“Bernard Grech diġà ffissa t-tragwardi tiegħu. Dawn jinkludu l-għażla tat-triq ’il quddiem għas-snin li ġejjin; jittieħdu d-deċiżjonijiet diffiċli kollha li hemm bżonn anke dawk l-iktar diffiċli; li tkun solvuta l-kwistjoni tal-finanzi tal-Partit li qed ixxekkel l-operat tiegħu; u li jkun hemm l-istrutturi li jixirqu lil partit modern u effettiv, strutturi li jridu jiżguraw id-dixxiplina u l-imġiba tal-membri kollha tal-Partit.”

Dan iddikjarah ma’ Il-Mument Joe Zahra, l-Eks Editur ta’ In-Nazzjon u Opinjonista li ilu jimmilita fil-Partit Nazzjonalista għal dawn l-aħħar 65 sena. Hu tkellem fit-tul dwar it-triq ’il quddiem għall-Partit Nazzjonalista biex jerġa’ jissaħħaħ u jkun l-għażla naturali tal-poplu Malti u Għawdex.

It-test sħiħ tal-intervista ma’ Joe Zahra (JZ) hu dan:

JM: Matul din il-ġimgħa li għaddiet il-Kunsillieri tal-Partit Nazzjonalista kkonfermaw lil Bernard Grech bħala l-Kap tal-Partit Nazzjonalista. Hekk ittieħed pass importanti lejn l-għażla tal-Partit Nazzjonalista tat-triq ’il quddiem għas-snin li ġejjin. Kif tħares lejn dan ir-riżultat?

JZ: Il-Partit Nazzjonalista hu mużajk ta’ ideat. Jiġbor fih persuni miċ-ċentru tal-politika, miċ-ċentru lemin u miċ-ċentru xellug; mil-lemin u mix-xellug.

Biss fl-aħħar mill-aħħar dawk li jivvutaw għall-Partit Nazzjonalista huma ispirati mill-istess ideali tal-libertà u demokrazija.

Fl-elezzjoni tal-1987 il-Partit Nazzjonalista ħareġ il-Manifest ‘Xogħol Ġustizzja Libertà – Is-Sisien għall-Ġejjieni’. F’dan id-dokument hemm parti twila li titkellem dwar “Il-Politika tal-Partit Nazzjonalista: Stqarrija tal-Fehmiet Bażiċi” mfissra f’għaxar punti.

Dawn il-Fehmiet Bażiċi jibqgħu s-sisien tal-politika tal-Partit Nazzjonalista anke b’aġġornamenti li seħħew matul l-aħħar 35 sena li jirriflettu l-iżvilupp f’kull qasam li seħħ f’pajjiżna.

Ir-riżultat tal-elezzjoni ta’ din il-ġimgħa hu l-bidu tat-triq li għandha twassal lill-Partit Nazzjonalista biex jerġa’ jiggverna dan il-pajjiż.

JM: Kif għedt iktar ’il fuq il-Partit Nazzjonalista hu mużajk ta’ ideat. Mhux Partit li jaħseb għal klassi politika waħda kif kien il-Partit Laburista. Għalhekk iktar faċli li ssib fi ħdanu gruppi li ma jaħsbuhiex l-istess. Iżda l-Partit Nazzjonalista dejjem hekk kien?

JZ: Dwar dan m’għandix dubbju. U se ġġegħelni mmur lura fl-istorja biex nuri kif il-Partit Nazzjonalista dejjem kien partit ta’ ideat diversi ta’ kif iħares lejn il-politika. Ideat li f’diversi okkażjonijiet ħadu s-sura ta’ partiti politiċi differenti iżda li jħaddnu l-istess ideali.

Il-Movimrent Nazzjonali Malti beda fis-Seklu 18 minn Fortunato Mizzi, Salvatore Cachia Zammit, Giorgio Mitrovich u oħrajn. Fit-12 ta’ Novembru 1901 twaqqaf “La Giovane Malta” minn Forunato Mizzi bl-iskop li ż-żgħażagħ f’dan il-moviment ’il quddiem jidħlu fil-politika.

Fortunato Mizzi kien President Onorarju. Arturo Mercieca kien l-ewwel President. Fit-18 ta’ Mejju 1905 miet zoptu Fortunato Mizzi, il-Pater Patriae.

Fl-1910 insibu fix-xena politika Maltija l-Partit Nazzjonalista Popolari. Partit Nazzjonalista. Partit Popolari. Fl-1989 Fortunato Mizzi beda jikkopera mal-partit ta’ Panzavecchia u flimkien waqqfu l-“Associazione Politica Maltese” biex ikollhom iktar saħħa kontra t-theddid tal-Gvern Imperjali. Fl-1916, iben Fortunato Mizzi, Nerik, ikkontesta bħala kandidat tal-Partit Nazzjonalista.

Hekk l-isem Partit Nazzjonalista beda jitħallat mal-isem Partit Nazzjonali. Fil-25 ta’ Frar 1919 iltaqgħet l-Assemblea Nazzjonali fejn, fost oħrajn, attendew Monsinjur Enrico Dandria, l-Avukat Ugo Mifsud, l-Avukat Nerik Mizzi, l-Avukat Carmel Mifsud Bonnici, Salvatore Borg Olivier. Nerik Mizzi kien inħatar Segretarju ta’ dawn il-laqgħat.

Fis-7 ta’ Ġunju 1919 kien hemm inċidenti fil-belt Valletta kaġunati minn skarsezzi fejn mietu erba’ Maltin taħt it-tiri tas-suldati Ingliżi.

Fit-30 ta’ April 1921, wara ħidma intensiva fl-Assemblea Nazzjonali Malta ngħatat il-Kostituzzjoni Milner-Amery fejn pajjiżna kellu jkollu Assemblea Leġiżlattiva magħmula minn 32 membu u Senat ta’ 17-il membru. Iżda b’materji riservati għall-Gvern Ingliż. Kien l-ewwel pass u kien hawnhekk twaqqfu l-partiti politiċi kif nafuhom illum.

Il-Moviment Nazzjonalista kien maqsum f’żewġ partiti: il-Partit Demokratiku Nazzjonalista (PDN) immexxi minn Nerik Mizzi u l-Unione Politica Maltese (UPM) immexxija minn Ugo Mifsud.

Anke fl-elezzjoni tal-1921 insibu l-Partit Nazzjonalista jirreferu għalih bħal il-Partit Popolari Malti. F’dik l-elezzjoni, il-UPM ta’ Ugo Mifsud kiseb 14-il siġġu u l-PDN ta’ Nerik Mizzi kellu erba’ siġġijiet.

Fis-16 ta’ Jannar 1926, f’ċerimonja li saret fl-Auberge d’Aragon, ingħaqad il-UPM u l-PDN. Minn din il-għaqda twieled il-Partit Nazzjonalista. Żewġ movimenti bl-istess ideali iżda b’ideat differenti ta’ tmexxija u tal-mod kif jilħqu l-għanijiet tagħhom ingħaqdu flimkien għax fehmu li fl-għaqda biss hemm is-saħħa.

Il-Partit Nazzjonalista baqa’ jirbaħ u jissaħħaħ. Xi ħaġa li m’għoġbitx lill-Ingliżi għaliex kienu qed jaraw f’dan il-partit minaċċja anke għall-fatt li kien qed jinsisti għal awtonomija għal pajjiżna. Dan wassal biex wara r-rebħa storika tal-Partit Nazzjonalista fl-1932 – 21 Deputat minn 32 – il-Kostituzzjoni ġiet irtirata.

Ġiet it-Tieni Gwerra u l-Partit Nazzjonalista kien rappreżentat fil-Kunsill tal-Gvern minn tliet membri: Nerik Mizzi li kien eżiljat lejn l-Uganda; Sir Ugo Mifsud li miet wara li ħassu ħażin fil-Kunsill jiddefendi lil Nerik, u Ġorġ Borġ Olivier li kien elett biex hu wkoll jirrappreżenta lill-Partit Nazzjonalista.

Għaddiet il-Gwerra, Nerik Mizzi rritorna Malta. Ġorġ Borg Olivier għenu jwaqqaf mill-ġdid il-Partit Nazzjonalista. Nerik inħatar Prim Ministru ta’ gvern ta’ minoranza fl-1950 wara li l-Partit Laburista bl-ikbar maġġoranza li qatt kellu nqasam. Ġorġ Borg Olivier inħatar Deputat Kap. Fl-20 ta’ Diċembru 1950 miet Nerik Mizzi u Ġorġ Borg Olivier inħatar Prim Ministru ta’ 39 sena.

Iżda lanqas Ġorġ Borg Olivier ma kien aċċettat minn sħabu kollha d-Deputati Nazzjonalisti. Kien hemm min qadef kontrih u vvota kontrih. Fl-1955 il-Partit Nazzjonalista mar fl-Oppożizzjoni.

Il-Gvern Laburista rriżenja fl-1958 u Malta għaddiet taħt Gvern Kolonjali. Anke hawnhekk beda t-tfesfis kontra Ġorġ Borg Olivier li ma kienx qed jikkumbatti lil Duminku Mintoff biżżejjed. X’riduh joħodha kontra Duminku Mintoff li kien wasal biex jibda jaħseb bħall-Partit Nazzjonalista favur l-Indipendenza wara li ried jgħaqqadna mal-Ingliżi!

Dan wassal biex inqassam il-Partit Nazzjonalista u ħareġ minnu l-Partit Demokratiku Nazzjonalista ta’ Ganado li eleġġa erba’ Deputati u fl-elezzjoni tal-1966 ma ttella’ ebda Deputat biex hekk il-Partit Nazzjonalista reġa’ ngħaqad taħt Ġorġ Borg Olivier.

Storja ftit twila iżda importanti li nżommuha quddiem għajnejna biex nuru li l-ideat differenti fil-Partit Nazzjonalista dwar metodu ta’ tmexxija mhux xi ħaġa tal-lum iżda xi ħaġa li ilha hemm minn dejjem.

Tajjeb li nfakkar ukoll li l-Partit Nazzjonalista dejjem kien partit popolari ferm qabel ma twaqqaf il-Partit Popolari Ewropew (PPE), iżda qatt ma kien partit populista. Bejn it-tnejn hemm differenza kbira. Meta tkun populista trid togħġob lil kulħadd akkost li tqassam dak li m’għandekx.

JM: Għaliex dan l-aħħar it-tensjoni fil-PN kibret?

JZ: Fi 63 sena, jiġifieri bejn l-1950 u l-2013 il-Partit Nazzjonalista biddel biss tliet kapijiet. Fl-aħħar disa’ snin kellu erba’ kapijiet.

M’hemmx dubju li kull elezzjoni ġġib magħha tensjonijiet, nuqqas ta’ ftehim. Ideat differenti.

Tajjeb inżommu quddiem għajnejna wkoll iċ-ċirkostanzi li fihom issir elezzjoni għall-Kap tal-Partit. Kap li jkun Prim Ministru u jitlob konferma differenti minn kap li qatt ma kien fil-gvern u jitlob konferma.

Meta Eddie Fenech Adami tilef l-elezzjoni tal-1996 wara żewġ leġiżlaturi li fihom biddel wiċċ Malta, u wara li kien ilu Kap tal-Partit Nazzjonalista mill-1977, jiġifieri 19-il sena, kellu influwenza kbira fuq il-partit u l-kunsillieri.

L-istorja ta’ Kap tal-Partit li jkun ilu inqas minn sentejn u jitlef elezzjoni hi ferm differenti. Dan il-ħidma tiegħu kienet li jnaqqas id-distakk li kien hemm bejn il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Laburista. U dan jidhirli li għamlu.

Ejja għas-saħħa tal-argument ma nsemmix kemm l-istħarriġ tal-opinjoni kien qed juru kemm kien id-distakk, anke jekk irriżulta (kif ġara dejjem minn kemm ili nsegwi l-istħarriġ) li kien “head on”, fl-elezzjoni għall-Membri Parlamentari Ewropej il-Partit Nazzjonalista kiseb 37.9 fil-mija tal-voti jew 5.8 fil-mija inqas mill-elezzjoni tal-2013. Dan kien l-agħar riżultat li kellu l-Partit Nazzjonalista mill-1951 ’l hawn.

Mela fiċ-ċirkostanzi r-riżultat ma kienx id-diżastru li konna qed nistennew meta l-għajta kienet “tħallux il-Partit Laburista jikseb iż-żewġ terzi tad-deputati”.

Li jkollna min jippontifika u jsemmi persentaġġi ta’ tmenin fil-mija u iktar għall-konferma tal-kap, għalija hi kollha bla sens. Kollha propaganda maħsuba biex tagħmel biss ħsara u toħloq tensjonijiet bla bżonn. Il-Kap irid ikun konfermat ħalli jkollu ż-żmien kollu jwettaq it-tibdil li hemm bżonn ħalli l-Partit Nazzjonalista jerġa’ jibda jirbaħ.

JM: Allura issa x’taħseb li għandha tkun it-triq quddiem tal-Partit Nazzjonalista?

JZ: Il-Kap tal-Partit Bernard Grech diġà ffissa t-tragwardi tiegħu. Dawn jinkludu:

• l-għażla tat-triq ’il quddiem għas-snin li ġejjin;

• jittieħdu d-deċiżjonijiet diffiċli kollha li hemm bżonn anke dawk l-iktar diffiċli;

• tkun solvutha l-kwistjoni tal-finanzi tal-Partit li qed ixxekkel l-operat tiegħu; u

• jkun hemm l-istrutturi li jixirqu lil partit modern u effettiv, strutturi li jridu jiżguraw id-dixxiplina u l-imġiba tal-membri kollha tal-Partit.

JM: L-ewwel elezzjoni li se jkollna hi dik għall-Membri Parlamentari Ewropej u l-Kunsilli Lokali. X’taħseb dwar dawn l-elezzjonijiet?

JZ: Joe int lili tafni sew. Taf li jien ottimist. Biss nemmen li jekk naħdmu flimkien mal-Kap u d-direzzjoni kollha tal-Partit Nazzjonalista għandna nilħqu diversi tragwardi.

Wieħed minnhom hu li neleġġu tliet Membri Parlamentari Ewropej. Biex dan iseħħ irridu tal-inqas 42.9 fil-mija tal-voti. Fl-elezzjoni tal-2019 konna ħames punti perċentwali ’l bogħod minn dan it-tragward. Fl-aħħar elezzjoni rriduċejna d-distakk għal 1.2 fil-mija.

Anke jekk biss joħorġu jivvutaw dawk li għażlu li jibqgħu d-dar fl-aħħar elezzjoni, ukoll nistgħu nilħqu dan it-tragward. Jien nemmen li b’organizzazzjoni aħjar, bi Grupp Parlamentari fil-parti l-kbira ġdid u żagħżugħ u b’ħidma flimken għandna niksbu r-riżultat li nixtiequ.

Hemm ukoll l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali. B’shift fil-voti ta’ ftit iktar minn dak li ksibna fl-aħħar elezzjoni, diversi Kunsilli Lokali għandhom jirriturnaw lura lejn il-Partit Nazzjonalista.

Is-soluzzjoni hi ħidma, għaqda u inqas kliem żejjed li ma jagħmel ġid lil ħadd.

Jien nemmen li mil-lum ’il quddiem, jekk ilkoll naħdmu flimkien mal-Kap Bernard Grech, se jkollna riżultati li ħafna ma kenux jistennewhom.