Lokali Qorti

Akkużat li ħareġ sikkina għal raġel f’ħanut: Jgħid li kien jgħaddi lil ħuħ biż-żmien

Raġel ta’ 50 sena minn Birkirkara ngħata l-ħelien mill-arrest wara li ġie mixli quddiem il-Maġistrat Elaine Merieca li nhar il-Ħadd fit-8.30 am. daħal f’ħanut f’Birkirkara stess u ħareġ sikkina għal raġel li jiffrekwenta l-istess ħanut. L-Avukat Franco Debono li deher għal Joseph Micallef qal li l-inċident seħħ wara li l-klijjent tiegħu ma felaħx aktar minħabba l-fatt li l-allegat vittma kien jgħaddi biż-żmien lil ħuh li miet ftit ilu.

L-Avukat Debono li flimkien mal-Avukat Francesca Zarb deher għal Micallef irribatta bil-qawwa kollha l-oġġezzjoni tal-prosekuzzjoni li opponiet it-talba għall-pleġġ fejn dan qal li mhux sew li kull persuna akkużat li jitressaq il-Qorti isib l-oppożizzjoni għall-ħelsien mill-arrest minħabba s-solita retorika tal-biża tal-intraċċ tal-provi.

Debono qal li meta jkun l-involviment ta’ barrani bħal turist, dan ikollu l-aċċess li x-xhieda fil-każ jixhdu mal-preżentata minħabba li jkun irid imur lura pajjiżu, xi ħaġa tajba. “Imma din għandha tapplika għal kull akkużat biex issir ġustizzja, jekk finalment il-persuna tiġi lliberata jew tiġi kundannata piena mhux karċerarja jew anke multa, ikun ifisser li sakemm jingħata l-pleġġ, jekk jingħata, dan ikun għamel perjodu l-ħabs għal xejn, li mhuwiex sew.

L-Ispettur Ritienne Gauci li ressqet lil Karkariż qalet li l-Ħadd li għadda għall-ħabta tat-8.25pm l-Pulizija mill-Għassa ta’ Birkirkara rċevew telefonata mill-control room li kienet daħlet persuna armata b’sikkina u li dan kien agredixxa persuna f’ħanut tax-xorb.

Mill-ewwel marru l-Pulizija marru fuq il-post fejn sabu sitwazzjoni kalma. Il-vittma ġie mitkellem u qal li kien mar fuq l-akkużat u wara li qam argument dan beda jheddu b’sikkina. Kien hemm xi persuni li ntervjenew u anke ħadulu s-sikkina.

Il-Pulizija elevat ukoll filmati tal-post u bdiet tfittxija għall-persuna daħlet informazzjoni fejn kien fl-10.35am. u kien arrestat fil-10.45 am. L-Avukat Debono staqsa għall-konfemra tal-prosekuzzjoni li ma weġġa ħadd, bl-Ispettur Gauci twieġeb fil-pożittiv.

Meta l-Avukat Debono talaba għall-ħselsien mill-arresat, il-prosekuzzjoni oġġezzjonat bil-qawwa kollha fuq il-biża li jiġu kontaminati l-provi minħabba li għad iridu jixhdu żewġ persuni pajżana.

L-Avukat Debono qal li apparti li l-klijent tiegħu għandu kondotta netta u qatt ma kiser difrejh mal-ġustizzja. “Dan kellu ħuh li kien jattendi f’dan il-ħanut u l-allegat vittma, milli kien jisma’ l-akkużat, kien jgħaddi ż-żmien bih. Ħu Micallef miet ftit ilu, u ilu muġugħ minħabba f’hekk. Ħuh inzerta kien kien waqa’ u miet, u kienet mewta natutali,” qal Debono.

L-Avukat kompla jgħid li ma hemmx biża li l-akkużat jaħrab minn Malta, li jidher għall-proċess. Tenna li kieku l-prosekuzzjoni ġabet liż-żewġ xhieda pajżana biex jiddeponu, żgur li kienet tismagħhom. Tenna li mhux sew li mingġajr ma jinstemgħu x-xhieda, l-akkużat jispiċċa l-ħabs.

L-Avukat Debono qal li ilu jisħaq fil-Qorti f’diversi kawżi li hemm bżonn li l-kultura li wieħed jispiċċa l-ħabs minħabba xi biżgħat, għandha tinbidel. F’dan il-każ kompla jgħid hemm il-provi preservati kollha permezz ta’ filmati li saħansitra ġew preżentati fil-Qorti. Saħaq ukoll li l-akkużat jaħdem u għandu job fiss.

Il-Maġistrat Elaine Mercieca laqgħet it-talba għall-pleġġ fuq depożitu ta’ 3,500 ewro u garanzija personali ta’ 7,500, li jiffirma fl-Għassa tal-Pulizija ta’ Birkirkara kuljum bejn is-7.00am u l-10pm, li jirtira d-dar sal-10.00pm u ma joħroġ qabel is-6.00am u ma jersaqx lejn il-ħanut fejn seħħ l-allegat inċident.

Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur l-allegat vittma u li Micallef ma jkellimx jew javviċina lix-xhieda tal-prosekuzzjoni. L-Avukati Franco Debono u Francesca Zarb deheru għal Micallef filwaqt li l-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Ritienne Gauci.