Lokali Parlament

Byron Camilleri jattakka lill-PN flok iwieġeb kif Iosif Galea tħalla joħroġ mill-pajjiż meta kellu ordni Ewropea ta’ arrest

Il-Ministru tal-Intern Byron Camilleri għażel li jattakk lill-PN u lill-Kap tal-PN Bernard Grech flok wieġeb kif Iosif Galea tħalla joħroġ mill-pajjiż biex isiefer flimkien mal-ex Prim Ministru Joseph Muscat meta fil-konfront ta’ Galea kien hemm warrant ta’ arrest.

Kien id-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami li fil-parlament staqsa lill-Ministru għall-Intern jispjega kif iċ-ċittadin Malti u konsulent tal-igaming Iosif Galea tħalla joħroġ mill-pajjiż għal btala akkumpanajt mill-ex Prim Ministru Joseph Muscat meta fil-konfront ta’ Galea kien hemm warrant Ewropew ta’ arrest. Hu staqsa wkoll min qed jieħu ħsieb l-investigazzjoni dwar dan il-każ u jekk dan hux l-istess persuna li suppost ikun investigat.

Il-Ministru Camilleri qal li ma jidħolx f’investigazzjonijiet iżda meta l-affarijiet isiru mhux kif suppost allura jidħol hu biex jara x’ikun l-aħjar. Hu tkellem mal-Kummissarju tal-Pulizija, qed issir investigazzjoni u jekk jirriżulta li hemm xi passi x’jittieħdu allura jittieħdu.

Id-deputat Nazzjonalista Mark Anthony Sammut appella lill-Ministru Camilleri biex ma jkunx partiġġjan fit-tweġibiet tiegħu u staqsa min kien qed imexxi dawn l-investigazzjonjiet u biex il-Ministru tal-Intern iserraħ ras il-poplu li min ikun taħt warrant Ewropew ta’ arrest ma jitħalliex joħroġ u jidħol fl-pajjiż qisu xejn.

Id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina staqsa kif jispjega din is-sitwazzjoni meta din il-persuna toqgħod pass ‘il bogħod mill-Għassa tal-Pulizija tas-Siġġiewi.

Il-Ministru Camilleri ma weġibx dawn il-mistoqsijiet.