Lokali

“Deċiżjonijiet li se jwasslu għal Partit iktar b’saħħtu” – Bernard Grech

“Illum intom għażiltu li tkomplu t-triq ‘il quddiem… it-triq tad-deciżjonijiet li se jitrasformaw lil dan il-partit u l-ħidma tagħna lkoll flimkien.

Huma diversi id-decizjonijiet li se jkun qed jieħu fil-jiem li ġejjin il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech – fosthom b’rabta mal-finanzi tal-Partit Nazjonalista. Deċiżjonijiet li hu stess ħabbarhom is-Sibt li għadda meta indirizza l-għeluq tal-Kunsill Ġenerali wara l-appoġġ b’saħħtu li kiseb mingħand il-kunsillieri.

“Se nitlob li jsir inventarju aġġornat tal-assi tal-partit biex dan il-proċess ikun jista’ jinbeda u jkollna stampa ċara tal-assi tal-partit.

Fid-diskors tiegħu, Bernard Grech qal li l-kumpaniji kummerċjali tal-Partit iridu jibdew joperaw bi profitt… bil-finanzi jibdew jintużaw aħjar sabiex il-Partit Nazzjonalista jwassal il-messaġġ tiegħu bl-aqwa mod possibbli. 

Deċiżjoni oħra hi li jkun hemm riorganizzazzjoni u dixxiplina tal-istrutturi kollha u kull membru tal-partit – mill-irwol tal-kumitati sezzjonali sal-għola organi.

“Kull min għandu rwol fil-Partit irid iħossu parti minn dan il-partit u jkollu sehem attiv fil-ħidma tagħna.”

Bernard Grech semma’ kif trid tingħata importanza ikbar lill-fergħat li jirrappreżentaw oqsma partikolari tas-soċjetà, filwaqt li għandha tissaħħaħ l-akkademja AZAD.

“L-AZAD se nsaħħuha u se tkun akkademja politika li tgħin lill-Partit fit-taħriġ  tal-kandidati u l-attivisti tiegħu filwaqt li se tgħin lill-partit isawwar il-politka tiegħu.

Deċiżjoni oħra hi li tissaħħaħ l-image tal-Partit Nazzjonalista.

“Irridu li minkejja nkunu kburin bil-kisbiet li kiseb il-PN, naraw kif din l-identita, mingġajr ma tintilef, tiġi aġġornata għaż-żminijiet tal-lum.”

Bernard Grech qal li għandu jkun hemm koordinatur tal-kandidati sabiex jara li dawk il-kandidati li ma jiġux eletti jibqgħu jiġu kkonsultati dwar il-politika tal-PN. Apparti dan, se jissaħħaħ l-irwol ta’ President tad-Djalogu Soċjali u tar-Riċerka Politika … u tkompli tissaħħa il-ħidma tal-clusters.

“Se nwaqqaf tim ta’ riċerka aġġornata u tfassil ta’ politika mmexxi mill-President tar-Ricerka Politika li jikkordina wkoll il-ħidma tal-clusters. Dan it-tim irid jiffinaliza l-manifesti tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali.

Il-Kap tal-PN qal li se jibqa’ jkun viċin in-nies f’kull lokalità filwaqt li l-Partit se jkollu sistema effiċjenti ta’ customer care.. sabiex ikun hemm komunikazzjoni iktar effettiva.

F’dak li għandu x’jaqsam mal-media, Bernard Grech qal li wasal iż-żmien li jkun hemm riforma anke f’dan is-settur.

“Id-deciżjonijiet li se nieħdu se jwelldu partit aktar organizzat, partit aktar b’saħħtu u partit aktar effiċjenti.”