Diversi ekonomisti qed jistennew li ż-żieda għall-għoli tal-ħajja fil-Budget li jmiss titla’ għal madwar 8 ewro fil-ġimgħa.
L-ekonomista, il-Professur Philip Von Brockdorff qed ibassar li l-COLA għas-sena d-dieħla tkun bejn 7 u 8 ewro fil-gimgħa. Iż-żieda għall-għoli tal-ħajja tinħadem fuq mekkaniżmu li jieħu inkunsiderazzjoni il-paga minima kif ukoll il-bidliet fl-inflazzjoni matul is-sena ta’ qabel.
Ta’ min wieħed ifakkar li matul dawn l-aħħar sentejn l-COLA kienet ta’ €1.75c fil-ġimgħa. Dan minkejja diversi appelli lill-Gvern sabiex jirrevedi l-mekkaniżmu ta’ kif tinħadem iż-żieda għall-għoli tal-ħajja li qed titfa’ pressjoni fuq min iħaddem.
Diversi analisti qed ifakkru wkoll illi hemm tendenza li żieda fil-pagi twassal għal żieda fil-prezzijiet hekk kif min iħaddem jispiċċa jitfa’ l-piż ta’ din in-nefqa fuq il-konsumatur.
Von Brockdorff iqajjem il-mistoqsija dwar kemm il-Gvern se jiflaħ jibqa’ jissussidja l-prezzijiet tal-eneġija… għax dment li dan is-sussidju jieqaf… iż-żieda tal-għoli tal-ħajja għandha żgur tkun iktar minn 8 ewro.
Iż-żieda fil-prezz tal-materja prima diġa qed iħalli impatt fuq in-negozji hekk kif dawn qed ikollhom iżidu l-pagi sabiex iżommu l-ħaddiema.
Bosta qed jisħqu li jekk il-COLA twassal għal żieda fil-prezzijiet tal-produzzjoijiet ta’ bosta oġġetti u l-proviżjoni ta’ servizzi, tispiċċa biex tikber l-inflazzjoni… bl-ekonomija taf tidħol f’ċiklu fejn l-inflazzjoni tibqa’ tiżdied.
Il-GWU fl-aħħar jiem proponiet li f’dawn iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali għandha tingħata żieda parzjali mill-COLA minn qabel … biex tkopri ż-żieda fil-prezzijiet.