Ivan Castillo, PN
Id-deputat Nazzjonalista Ivan Castillo qal fil-parlament li għandu jsir pjan ħolisitiku dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.
Fid-dibattitu parlamentari dwar l-Awtorit àgħas-Saħħa u s-Sigurtà Fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) Ivan Castillo qal li ma tgħaddix ġimgħa waħda mingħajr ma kien hemm inċident jew korriment serju fuq il-post tax-xogħol.
Inċidenti li juru biċ-ċar li qed infallu u qed nonqsu lill-ħaddiema tagħna għax mhux kapaċi nassiguraw li jirritornaw lura d-dar b’saħħithom.
Traġedji li jġibu dieqa kbira fost min iġarrab dawn l-inċidenti. Traġedji li jaffetwaw psikoloġikament lill-ħaddiema li f’numru ta’ każijiet ikollhom jibdlu l-impjieg u anke l-karriera.
Nemmen li jeżisti sentiment komuni fost dawk kollha nteressati li ninvestu bis-serjetà fl-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-post tax-Xogħol (OHSA). Naqblu lkoll li bir-riżorsi li għandha għad-dispożizzjoni tagħha din l-Awtorità u l-ammont kbir ta’ xogħol dejjem jiżdied, qed iwassal biex ma jinteħqux il-miri tagħha.
Filwaqt li niħeu pjaċir nara li hemm pjan ta’ ħidma ta’tlett snin, wisq nibża li qegħdin tlett snin tard. Nemmen li jeħħtieġ li nirduppjaw l-isforzi tagħna sabiex nilħqu l-miri ppjanati. Sabiex naslu jeħtieġ li niksbu s-servizzi ta’ professjonisti u tekniċi mis-servizz privat. Jeħtieġ li naġixxu minnufih sabiex nindirizzaw sitwazzjoni allarmanti meta din is-senal kellna l-ogħla rata ta’ korrimenti u mwiet mill-2017.
Jistgħu jkunu diversi s-sitwazzjonijiet li joħolqu dawn l-inċidenti. Il-lingwa tista’ tkun fattur minnhom meta tara li 32% tal-imwiet relatati max-xogħol huma barranin.
Kampanji edukattivi organizzati mill-OHSA huma importanti. Biss jeħtieġ li kull min iħaddem u min jaħdem jifhmu r-responsabiltajiet tagħhom. Saħansitra l-foreman u s-supervisor iridu jkunu konxji mir-resposabilta’ diretta li għandhom lejn il-ħaddiema tagħhom.
Jeħtieġ li qabel ħaddiem jibda xogħol ġdid ikun jaf għal xhiex dieħel u jifhem b’mod ċar ir-riskji li jġorr miegħu. Risk assessment huwa biss l-ewwel pass. Jeħtieġ li dan jasal għand l-impjegati b’lingwaġġ li jinfthiem.
Hawnhekk tidħol il-ħtieġa tal-iskills card li nemmen li għandha tkun parti integrali fit-taħriġ tal-ħaddiema tagħna. Ħiliet bażiċi fosthom l-importanza tal-lingwa, id-dmirijiet u l-konsegwenzi tan-nuqqasijiet ta’ kull impjegat.
Huwa ta’ dispjaċir li għandna sitwazzjoni fejn din l-iskill card mhux meħtieġa fis-settur tal-kostruzzjoni. Settur li hu meqjus bħala ta’ riskju għoli.
Huwa wkoll ta’ tħassib kif l-OHSA, fir-Rapport Annwali tagħha, rreferiet għall-liġi tal-kannabis u l-effetti tagħha fuq il-post tax-xogħol f’tul ta’ tlett sentenzi biss.
Jidher ċar li l-OHSA ma kelliex sehem fil-pariri lill-Gvern f’dan ir-rigward meta xogħol l-Awtorità huwa propju l-prevenzjoni tal-inċidenti u korrimenti fuq il-post tax-xogħol. Jidher ċar li lanqas il-Gvern mhu jifhem x’verament hu r-rwol primarju tal-OHSA.
Anke fir-rigward tal-paltform workers, jeħtieġ li dan il-qasam jiġi regolarizzat minnufih. Tajjeb infakkru li l-inċidenti li jseħħu fost dawn il-ħaddiema li jqassmu l-ikel bil-mutur, mhumiex inklużi fl-istatistika tal-NSO. Jeħtieġ għalhekk li l-OHSA taġixxi minnufih għall-ġid ta’ dawn il-ħaddiema.
Jeħtieġ pjan ħolistiku fejn jidħlu saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Din hi kwistjoni ta’ importanza nazzjonali u għalhekk jeħtieġ one stop shop u awtorita’ li fiha tinkludi lill-pulizija, CPD, OHSA, BCA u d-Dipatrtiment Sanitarju sabiex id-direzzjoni f’dan l-ambitu tkun b’saħħitha u ċara.
Irridu nkunu aħna li niżguraw li kull ħaddiem jirritorna d-dar qawwi u sħiħ.
//= $special ?>

