Internazzjonali

Il-film ġdid ta’ ‘Top Gun ’: Suċċess uniku għall-attur Tom Cruise

Il-film ġdid Top Gun: Maverick – li hu s-sequel għall-film Top Gun li kien ħareġ f’nofs is-snin tmenin – qed jirrepeti s-suċċess tal-ewwel produzzjoni fl-ewwel jiem ta’ wiri fis-swali taċ-ċinema madwar id-dinja.

Is-suċċess hu wieħed fenomanali għal Tom Cruise , li qed jinterpreta mill-ġdid ir-rwol tal-pilota Pete ‘Maverick’ Mitchell, peress li din hi l-ewwel darba li film ta’ dan l-attur iġġenera 100 miljun dollaru — l-ekwivalenti ta’ madwar 85 miljun ewro — waqt l-ewwel tmiem il-ġimgħa tal-wiri.

Top Gun: Maverick jurina lil Mitchell bħala ‘pilota ħafna aktar matur’ minn meta Tom Cruise (li llum għandu 59 sena) kien għadu attur ġdid mimli bil-potenzjal bħala l-protagonista fil-film oriġinali tal-1986.

Intant – skont il-kelliema għal Paramount Pictures — Top Gun: Maverick iġġenera xi 124 miljun dollaru f’bejgħ ta’ biljetti waqt l-ewwel tlett ijiem ta’ wiri fis-swali taċ-ċinema fl-Amerika ta’ Fuq.

Dan waqt li hu kalkulat li l-film, sallum, iġġenera ‘il fuq sew mill-ekwivalenti ta’ 200 miljun ewro bħala ċifra globali u li jirrifletti trijonf kbir għal Tom Cruise u l-produtturi. Hu minnu wkoll li Top-Gun: Maverick kellu r-raba’ l-akbar inawgurazzjoni uffiċjali għal kwalunke film, waqt l-era tal-Covid-19.