Għaddew kważi 100 jum mill-bidu tal-gwerra fl-Ukrajna u meta r-Russja, issa, qed tikkonċentra l-offensiva fuq ir-reġjun tad-Donbas, lejn il-lvant tal-Ukrajna. Dan meta l-militar ta’ Moska kien qiegħed javviċina ċ-ċentru ta’ Severodonetsk – li hi belt prinċipali fid-Donbas – bis-sorsi Ukreni jfissru s-sitwazzjoni hemmhekk bħala ferm diffiċli.
Il-ġlied fil-madwar u l-inħawi ta’ Severodonetsk kompla jintensifika fl-aħħar ġimgħat, bir-Russi anki qed imexxu offensiva fuq il-belt ta’ Lysychansk, fil-viċin u li wkoll spiċċat suġġetta għall-bumbardamenti bla heda.
Dan meta r-Russja qed tagħmel minn kollox biex tieħu r-riedni f’dawn l-ibliet li għadhom qed jirreżistu bil-qawwi, peress li kwalunkwe suċċess militari għandu jqarribhom lejn il-kontroll sħiħ tar-reġjun ta’ Luhansk .
Il-kelliema f’Moska, fil-fatt, qalu li l-ħtif tad-Donbas kollu jibqa’ l-akbar priorità għall-Armati Russi – b’dan ir-reġjun qed jinkorpora z-zoni ta’ Luhansk flimkien maz-zona ta’ Donetsk. Il-President Russu, Vladimir Putin, qabel il-gwerra kien irrikonoxxa l-indipendenza ta’ Luhansk u Donetsk bħala Repubbliki separatisti – u minkejja li dawn ir-reġjuni jiffurmaw parti mill-Ukrajna. Il-kliem ta’ Putin kienu qanqlu l-kundanna tan-NATO u l-pajjiżi tal-Punent – bil-qawwiet ta’ Moska jinvadu lill-Ukrajna ftit tal-jiem wara.
L-aħħar rapporti, issa, irreferew għall-qtil ta’ ċivili mill-missili tar-Russi li niżlu fil-periferiji ta’ Severodonetsk. Intant, kien ikkonfermat li l-belt ta’ Lysychansk kienet għadha taħt il-kontroll tal-Ukreni u li, bħalissa, għaddejjin l-evakwazzjonijiet tan-nies mill-inħawi.
Sadanittant, ir-Russja qed takkuża lit-truppi Ukreni dwar ‘attakki inaċċettabbli’ fuq l-infrastruttura taċ-ċivili waqt il-battalji fid-Donbas, Il-Kremlin qed isostni li s-suldati Ukreni qegħdin anki jattakkaw ‘l-istituzzjonijiet tat-tfal’ u sostna li l-qawwiet tar-Russja qegħdin jippruvaw iwaqqfu dawn it-tipi ta’ attakki fil-Lvant tal-Ukrajna.
//= $special ?>