Ir-residenti fi Kiev, il-kapitali tal-Ukrajna, qegħdin jirritornaw, ftit ftit, għal ħajja normali.Dan wara li l-qawwiet tar-Russja donnhom li qatgħu qalbhom li jieħdu din il-belt matul il-gwerra attwali li ilha għaddejja għal erba’ xhur.
Dan ukoll meta l-President Russu, Vladimir Putin, qed jagħmel minn kollox biex jaċċerta minn rebħa militari fir-reġjun tad-Donbas, lejn il-Lvant tal-Ukrajna, fejn bħalissa qed jiddominaw il-battalji ħorox mal-qawwiet Ukreni.
U waqt li għaddejjin il-battalji fid-Donbas, il-belt ta’ Kiev qed torganizza mill-ġdid l-attivitajiet pubbliċi, fosthom l-avvenimenti għall-‘Jum iddedikat lill-Kapitali’, li saru lejn l-aħħar ta’ dan ix-xahar.
Madankollu, il-Prim Ministru Ukren, Denys Shmyhal, ftit ħalla dubju li pajjiż, fil-parti kbira, se jkollu jinbena mill-ġdid peress li, fl-invażjoni tar-Russi, inqerdu ’l fuq minn 25,000 kilometri ta’ toroq, minbarra diversi mijiet ta’ pontijiet u talanqas tnax-il ajruport.
Intant, ’il fuq minn 100 istituzzjoni edukattiva – flimkien ma’ aktar minn 500 faċilità medika u tal-anqas 200 fabbrika (fl-Ukrajna) – ġarrbu l-ħsarat kbar inkella sfaw meqrudin għalkollox.
Il-Gvern fi Kiev, waqt rapport speċjali, qal ukoll li mhix tiffunzjona mal-35 fil-mija tal-ekonomija tal-Ukrajna – u li madwar 300,000 kilometri kwadri tal-art spiċċaw ‘miżrugħin bil-landmines jew ikkontaminati bi splussivi oħra’.
Il-gwerra wasslet, anki, biex l-Ukrajna titlef bejn 30 u 50 fil-mija tal-Prodott Domestiku Gross (GDP) – b’diversi estimi qed juru li l-ħsarat diretti għall-infrastruttura u l-ekonomija huma ekwivalenti għal tal-anqas ħames biljun ewro.
//= $special ?>