Lokali Parlament

In-nisa li jaħdmu d-dar għandu jkollhom pensjoni; il-pensjoni tar-raġel għandha tinqasam mal-mara

Paula Mifsud Bonnici, PN

Id-deputat Nazzjonalista Paula Mifsud Bonnici pproponiet biex in-nisa li jaħdmu d-dar u jrabbu familja għandu jkollhom pensjoni waqt li l-pensjoni tar-raġel għandha tinqasam mal-mara.

Dan bl-iskop li jinqatgħu l-abbużi li qed iwettqu irġiel fuq in-nisa tagħhom billi ma jtuhomx parti mill-pensjoni biex jgħixu biha.

Paula Mifsud Bonnici tkellmet dwar il-vjolenza domestika fuq in-nisa anzjani u qalet li f’sitt snin kien hemm 2,000 każ ta’ anzjani abbużati għalkemm hemm numru ieħor li ma jkunux dikjarati. Is-sena li għaddiet kien hemm 301 każ ta’ abbuż li minnhom 70% kienu vjolenza domestika; żieda ta’ 25 każ u 100 każ mill-2016. Kien hemm ukoll żewġ stupri, numru ta’ serq bl-armi u każi oħra.

Hi sostniet li fil-lokalitajiet hemm biża’ minn anzjani minħabba nuqqas ta’ sigurtà fit-toroq. Il-pajjiż qed jonqos lil dawn l-anzjani bil-konsegwenza li dawn jirrikorru fi djar għall-anzjani.

Hi trattat l-abbuż ta’ vjolenza domestika bejn il-koppji anzjani għalkemm hemm ħafna anzjani li ma jirrapportawx dawn l-abbużi. Hi sostniet li hawn anzjani nisa li m’għandhomx biex jgħixu għaliex ir-raġel jirrifjuta li jgħaddilhom parti mill-pensjoni. Jeħtieġ li l-parlament jippremja lill-anzjani li jkunu rabbew il-familja; għalhekk dawn għandu jkollhom il-pensjoni.

Id-deputat Nazzjonalista kompliet li hawn nisa anzjani li iddeċidew li jitilqu minn xogħlhom biex irabbu l-familja u għalhekk il-pensjoni tar-raġel għandha tinqasam bejn il-koppji għaliex il-mara, b’sens ta’ ġustizzja, għandu jkollha parti minn il-pensjoni.