Lokali Parlament

Is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol huma wkoll fl-interess ta’ min iħaddem

Ryan Callus, PN

Hu fl-interess ta’ min iħaddem ukoll li jkollu l-prekawzjonijiet kollha tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għaliex meta jseħħu l-inċidenti, tkun il-kumpanija involuta li tispiċċa taħt il-lenti mill-aspett negattiv.

Meta kien qed jitkellem fil-parlament fid-dbattitu dwar l-estimi tal-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà Fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA), Ryan Callus qal li s-saħħa s-sigurtà għandha tkun rifless f’kull qasam u kompla li hemm kwistjoni ta’ demarkazzjoni tar-responsabbiltajiet tal-OHSA u tal-Pulizija.

Din trid tkun tratta minħabba li toħloq negliġenza. 32% tal-imwiet fil-pajjiż huma immigranti jew persuni barranin. Jeħtieġ ikun speċifikat il-persentaġġ ta’ immgiranti li qed jaħdmu fil-pajjiż.

Hu qal li hawn persuni li jibżgħu jitkellmu dwar saħħa u sigurtà minħabba li m’għandhomx iċ-ċertifikati u jistgħu jitilfu l-impjieg. Dawn huma persuni li jeħtieġu l-protezzjoni tal-Istat, sostna Ryan Callus, li qal li għandu jkun hemm qafas regolatorju biex min iħaddem jimpjega b’mod regolat u bla abbużi.

Hu tkellem dwar l-asbetos, li jwassal għall-marda al-cancer u qal li għandu jkun hemm prevenzjoni qabel jibdew jingħataw il-kumpens lill-vittmi. L-OHSA għandha tgħafas aktar fuq l-asbestos, sostna Ryan Callus, li kompla li m’għandux ikun tollerat li ħaddiema jitħallew esposti għall-asbestos.

Dwar il-pjan strateġiku sal-2027, Ryan Callus qal li dan jitratta ż-żamma ta’ livelli professjonali ta’ saħħa u sigrutà, li titnaqqas il-burokrazija, is-saħħa mentali u d-dritt tal-ħaddiema li ma jibqgħux disponibbli għax-xogħol wara l-ħinijiet tax-xogħol.