Mons. Ġorġ Frendo OP, Arċisqof Emeritu ta’ Tirana-Durres, fil-jiem li għaddew attenda konferenza internazzjonali f’Doha, il-kapitali tal-Qatar, fuq Religions and Hate Speech. Hu kien mistieden jagħmel id-diskors li ta bidu għall-konferenza. Is-suġġett tad- diskors tiegħu kellu t-titlu Religion is for Peace.
Fid-diskors tiegħu hu qal li sa minn Platun u Aristotli, il-filosofija tal-Punent rabtet ir-reliġjon ma’ realtà konkreta: “il-Qaddis”, li aħna nsejħulu Alla. Iżda reliġjon, fidi u mġiba etika huma marbutin, b’mod li ma tistax ittejjeb ir-relazzjoni tiegħek ma’ Alla mingħajr ma, fl-istess ħin, ittejjeb ir-relazzjoni tiegħek mal-oħrajn. U reliġjon awtentika tgħallimna
nibnu dinja li tixraq lill-bniedem, fuq is-sisien ta’ ġustizzja u paċi.
Staqsa: Jistgħu r-reliġjonijiet isiru għajn ta’ konflitt u intolleranza? Iva, imma biss meta r-reliġjon tiġi strumentalizzata minn politiċi li jagħtu fiżjonomija reliġjuża lill-konflitti li joħolqu bħallikieku huma konflitti f’isem ir-reliġjon. Fl-istorja reċenti, hekk ġara fil-Balkani u issa wkoll, sa ċertu punt, fl-Ukrajna.
L-Isqof Frendo qal li r-reliġjonijiet huma espressjonijiet ta’ twemmin fi, u għaqda ma’, Alla, ħallieq tal-umanità. U dan joħloq is-sisien għal fraternità vera u paċi ġenwina. Għalhekk ir-reliġjonijiet jeħtieġ jagħrfu r-rwol profetiku tagħhom li jagħmilhom kapaċi jaħdmu flimkien għall-bini ta’ dinja aktar denja biex il-bniedem jgħix fiha.”
//= $special ?>