Meta naħsbu fis-supereroj, għandna t-tendenza li naħsbu f’eroj tal-films ta’ Hollywood bħal Superman jew Wonder Woman. Dawn huma kollha bla dubju supereroj bis-setgħat uniċi tagħhom. Madankollu, kull wieħed minna għandu l-opportunità li jsir is-supereroj tiegħu stess. Aħna ma nistgħux nilbsu kapep u maskri iżda nistgħu nippossjedu l-attributi kollha ta’ supereroj veru: il-qlubija, is-saħħa u x-xewqa li ngħinu lill-oħrajn.
SterjoTipi, iridu lis-semmiegħa tagħhom jifhmu l-messaġġ b’saħħtu ta’ ‘self-empowerment’, u li wieħed jeħtieġ li jsib is-supereroj ġo fiħ nnifsu, minflok iħares lejn ħaddieħor, jew agħar minn hekk jiġi ntimidat minn ħaddieħor.
“L-eroj dejjem kont jien, għax jiena qdift għalija nnifsi, ġrejt wara l-ħolm, sakemm qtajt nifsi. Le ma konniex flimkien, meta ġie l-gwaj ħallejtni waħdi, xorta illum jien ninsab b’saħħti.” (Lirika mill-kanzunetta)
Il-kanzunetta hija kontinwazzjoni tal-ewwel track tagħhom tal-E.P. ‘Differenti’, li kisbet appoġġ immens mit-televiżjoni u l-istazzjonijiet tar-Radju lokali, kif ukoll fuq il-midja soċjali. Il-kanzunetta laħqet ukoll il-quċċata tac-charts tal-PRS – li hija ic-chart uffiċjali ta’ Malta, tard fl-2021.
SterjoTipi qed jippjanaw li joħroġu aktar mużika fix-xhur li ġejjin u jwiegħdu kalendarju impenjattiv sew fis-sajf li ġej. Il-wirja li jmiss tagħhom ser tkun fil-Festival ‘Ritmu’, li se jsir fil- Ġonna tal-Barrakka ta’ Fuq fil-Belt Valletta, fil-11 ta’ Ġunju.
Għal aktar informazzjoni u l-aħħar aħbarijiet minn SterjoTipi, żur il-paġni tagħhom ta’ Facebook u Instagram, kif ukoll il-pjattaformi tal-mużika online Spotify u YouTube.
//= $special ?>