Lokali

“L-aħjar persuna għall-Partit Nazzjonalista”

Kemm it-Times of Malta u kif ukoll The Malta Independent permezz tal-editorjali tagħhom taw ħarsa lejn il-konferma ta’ Bernard Grech bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Fl-analiżi li saret mill-edituri rispettivi ntqal li l-maġġoranza li rnexxielu jikseb Bernard Grech bir-riżultat tas-Sibt se tkun qed ittih aktar saħħa biex jaħdem u biex isaħħaħ il-proċess ta’ ristrutturar fil-PN.

It-Times min-naħa tagħha qalet li Bernard Grech huwa l-persuna t-tajba għall-PN f’dan il-mument.

Kompliet li l-Kap tal-PN għamel diġà elenku tal-miri li l-Partit irid jilħaq, inkluż l-unità, id-dixxiplina, ir-riorganizzajoni, kuntatt aktar b’saħħtu mal-elettorat …u fuq kollox il-qagħda finanzjarja.

Intqal ukoll li l-PN issa jrid ifittex mezzi ġodda kummerċjali biex anki jkun hemm rebranding tal-mod kif jitwassal il-messaġġ tal-Partit Nazzjonalista.

L-editur tat-Times qal li l-Partit Nazzjonalista qatt m’għandu jwarrab il-valuri u l-prinċipji li fuq kollox isawruh. U tenna li l-Partit Nazzjonalista jeħtieġ li jagħmel politika li ttejjeb il-kwalità tal-ħajja tan-nies… u anki jħares lejn il-pressjonijiet ekonomiċi li hawn bħalissa fil-pajjiż. L-Independent min-naħa tagħha tenniet li l-eżami li jmiss għal Bernard Grech jinsab viċin ħafna, bl-elezzjoni tal-Kunsill Lokali u anki tal-Parlament Ewropew fl-2024. U jeħtieġ li ma jkunx hemm telf ta’ żmien biex il-ħidma u r-ristrutturar fil-Partit Nazzjonalista jissoktaw.