Ftit huma n-nies li ma jafux min hi Stephanie Chircop, preżentatriċi rinomata fuq Net Television u Net FM li fl-imgħoddi għamlet ukoll xogħol ġurnalistiku permezz tal-programm televiżiv ‘Sorsi Infurmati’ flimkien mal-kollega Joe Mikallef.
Jista’ jkun li mhux kulħadd jaf li Stephanie hi wkoll kantanta brava, li tagħmel dan ix-xogħol bħala part-time fil-ħinijiet ta’ filgħaxija f’lukandi u postijiet oħra ta’ divertiment.
Imma żgur ukoll li mhux kulħadd jaf li wara d-daħqa u t-tbissima sabiħa karatteristika ma’ din il-personalità hemm ħajja li mhux dejjem ħallietha tidħaq jew titbissem. Flimkien mas-sodisfazzjonijiet u l-ferħ, il-ħajja taf tkun kattiva u kiefra… u ma’ Stephanie l-ħajja wriet snienha sa mit-tfulija. Ħajja mqallba li matulha, iva, kellha u għandha ħafna sabiħ, imma kellha wkoll l-imrar u l-uġigħ.
Ftit żmien ilu f’moħħ Stephanie nibet ħsieb li baqa’ jsus sakemm iddeċidiet li tirrealizzah. L-idea kienet li tirrakkonta l-vjaġġ ta’ ħajjitha minn fuq il-palk permezz ta’ monologu amalgamat mal-mużika u l-kant tagħha.
Hekk kif sirt naf b’din l-inizjattiva, iltqajt magħha u tlabtha tirrakkontali kif nibtet din l-idea u x’għandu jistenna min jiddeċiedi li jmur jara dan ix-xogħol li se jsir fit-teatru ta’ Sant’Agata fis-6, 7 u 8 ta’ Ġunju li ġej, minkejja li biljetti baqa’ biss għar-rappreżentazzjoni tas-7 ta’ Ġunju.
Qaltli li se tiftaħ b’kanzunetta li għandha tifsira speċjali u mbagħad tibda r-rakkont ta’ ħajjitha minn meta kienet żgħira, tirrakkonta bil-mużika tal-band fl-isfond u minn ħin għal ħin tkanta kanzunetta b’tema konnessa ma’ dak li tkun qiegħda tgħid dak il-ħin. Se tkun hi stess li tinterpreta l-kanzunetti, li huma versatili f’dak li hu stil u jvarjaw minn jazz, rock ballads, pop, eċċ.
Fis-siltiet mużikali Stephanie se tkun akkumpanjata minn band ta’ ħames mużiċisti li huma Mro Christian Borg fuq il-pjanu, Mro David Joseph Sammut li jdoqq l-accordian, is-sax u l-klarinett, Ryan Peter Portelli fuq id-drums, il-Fesu fuq il-base u Karl Galea fuq il-kitarra. “Imbagħad għandi xi ħadd li ġej ikanta medley miegħi, li wkoll tirrelata ma’ ħajti.”
Stephanie ma żvelatx biss l-ismijiet ta’ żewġ kantanti li se jkantaw żewġ kanzunetti magħha marbuta ma’ ħajjitha. Tixtieq li l-ismijiet ta’ dawn il-kantanti jibqgħu sorpriża għal min jattendi. Il-kanzunetti huma cover versions popolari ħafna li l-lirika tagħhom tista’ tkun assoċjata ma’ dak li jkun qiegħed jingħad. Minkejja titlu bl-Ingliż, ‘The Story of my Life, Converting Scars into Music’, il-monologu jew djalogu ta’ Stephanie mal-udjenza se jkun bil-Malti.
Staqsejt lil Stephanie kif oriġinat l-idea ta’ dan ix-xogħol teatrali, biex insejjaħlu hekk, b’tema personali. Qaltli li kemm fit-tfulija u ż-żgħożija tagħha daqet l-imrar tal-ħajja u wara għaddiet minn relazzjonijiet infeliċi.
“Jiġifieri matul il-mixja ta’ ħajti kelli nfiq minn ċerti feriti. Ridt li lin-nies li mingħalihom li jiena l-ħin kollu nidħaq – għax forsi nagħti dik l-impressjoni – inwasslilhom messaġġ li kulħadd għandu bagalja u kulħadd iħossu qed jikkrolla f’waqtiet ta’ ħajtu. Imma fejn hemm ir-rieda hemm it-tama, u minkejja dak kollu li għaddejt minnu nħoss li għandi karriera ta’ suċċess u affarijiet oħra li jagħtuni sodisfazzjon.
“Irrid ukoll nuri l-gratitudni tiegħi lejn nies li ħassejthom qrib tiegħi fil-mumenti ibsin li għaddejt minnhom f’fażijiet differenti ta’ ħajti, inkluż il-preżent. Il-messaġġ finali li rrid inwassal hu wieħed pożittiv, għax in-nies jirrelataw, jirrealizzaw li mhux huma biss għandhom il-problemi. Irrid li dan ikun kunċert ‘motivational’, li minkejja l-problemi li jista’ jkun li għaddej minnhom, għandek tagħmel il-kuraġġ għax inti wkoll tista’ tirnexxi fil-ħajja.”
L-aħħar messaġġ ta’ Stephanie kien li dan hu kunċert li jappella għal kulħadd, anki tfal minn 12-il sena ’l fuq, għax kulħadd jgħaddi minn xi saram jew ieħor fil-mixja ta’ ħajtu, u kulħadd jista’ jirrelata ma’ dak li f’xi ħin jew ieħor, se jkun qed jisma’ u jara fil-kunċert.
Qaltli, finalment, li l-għeluq tal-kunċert se jkun ukoll sorpriża. F’isem il-qarrejja tagħna, nawgurawlha!
//= $special ?>