Ftit tal-ħin ilu, il-Union tal-Infermieri u l-Qwiebel (MUMN) irreġistrat tilwima industrijali mal-Gvern u ddikjarat li hija lesta “għal kull ċirkustanza”. Dan wara l-attitudni li daħal biha l-Gvern u l-Ministeru tas-Saħħa fit-taħdidiet dwar il-ftehim kollettiv tal-infermieri Maltin u Għawdxin.
Fi stqarrija, il-union reġgħet tefgħet dawl fuq il-“konsulent” illi tqabbad mill-Ministeru tas-Saħħa biex ikun preżenti għal-laqgħat mal-MUMN.
Dan il-konsulent ġie imfisser bħala persuna li m’għandux għarfien tas-settur mediku, wisq inqas l-esperjenza meħtieġa biex jiddiskuti materji li jirrigwardjaw il-gradi ta’ qwiebel u infermieri.
L-MUMN insistiet li din il-mossa qed tagħmel ħafna ħsara għaliex fit-taħdidiet qed ikun hemm biss interruzzjonijiet, filwaqt li r-rappreżentanti tal-Gvern qed jispiċċaw iwaqqgħu kull proposta li tressaq il-union għall-Ftehim Settorjali.
Apparti minn hekk, l-istqarrija issemmi ukoll l-element ta’ musical chairs – bil-union tmur għand il-Ministeru tas-Saħħa, tintbgħat għand il-Ministeru tal-Finanzi, u tispiċċa xorta terġa’ tiġi riferuta lill-Ministeru tas-Saħħa. Dan fih innifsu qed isarraf f’ħafna ħela ta’ ħin biex jintlaħaq qbil dwar dan il-Ftehim Settorjali, b’detriment għall-infermieri u l-qwiebel.