Mara ta’ 28 sena ma nstabitx ħatja li fit-2 ta’ Mejju li għadda hija heddet u nġurjat lill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech fl-awla tal-Qorti fejn hija tippresedi l-kawżi. Pawlina Cutajar residenti l-Gżira ma nstabitx ħatja mill-Maġistrat Gabriella Vella minħabba li l-prosekuzzjoni ma resqitx provi konkreti. Lanqas ma nstabet ħatja li saret reċdiva.
Il-mara minn naħa tagħha iżda ammettiet li nġurjat lill-Ispetturi Jonathan Cassar u lil Roxanne Tabone, li ma obdietx l-ordnijiet leġittimi tal-Pulizija, li nġurjathom u ppruvat tħebb għalihom, li kisret il-paċi pubblika u li qalet kliem li jikkonsisti f’dagħa.
Il-Qorti qalet li hija qieset il-fatt li tali ammissjonijiet saru fi stadju bikri tal-proċeduri u għaldaqstat ġiet kundannata sitt xhur ħabs sospiżi għal erba’ snin u ġie ukoll mmultata 800 ewro, liema multa jekk ma titħallasx, tinbidel fi priġunerija bir-rata ta’ ġurnata ħabs għal kull 35 ewro jew parti minnhom.
Il-Qorti qieset ukoll il-fatt li l-imputata skużat ruħha għall-aġir tagħha bl-aktar mod inkundizzjonat u tabet apoloġija fil-konfront tal-Maġistrat, jekk b’xi mod hija naqqset fil-konfront tagħha u fil-konfront taż-żewġ Spetturi tal-Pulizija.
Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ trażżin fil-konfront ta’ Cutajar biex tipprovdi sigurtà għall-Ispetturi Cassar u Tabone, b’din l-ordni tkun għall-perjodu ta’ tliet snin. Jekk tali ordni ma tiġix obdita minn Cutajar hija tiġi kundannata għall- multa ta’ 7,000 ewro.
L-inċident kien seħħ wara li l-Maġistrat Donatella Frendo Dimech tat sentenza fil-konfront ta’ Pawlina Cutajar u ta’ missier it-tifla tagħha, fejn hija nfexxet tgħajjat u titkellem ħażin u tgħaddi kummenti fil-preżenza tal-istess Maġistrat u ż-żewġ Spetturi tal-Pulizija.
L-Avukat Roberto Montalto mill-ewwel kien iddikjara fil-Qorti li l-klijenta tiegħu kienet qed titlob skuża. Qal li Cutajar bl-ebda mod ma offendiet lill-Maġistrat, iżda l-kliem kien indirizzat lejn l-Ispetturi Jonathan Cassar u Roxanne Tabone.
Saħaq li dan xorta huwa ħażin u għal dan il-fatt hija jiddispjaċiha u qed titlob skuża b’mod mill-aktar kundizzjonat. Fil-konfront tal-Maġistrat Frendo Dimech, Montalto qal li Cutajar bl-ebda mod ma riedet li tonqosha.
Ir-reazzjoni tagħha kienet meta semgħet li missier bintha ngħata sentenza ta’ ħabs. Tenna li wara li hija appellat mis-sentenza mogħtija lilha, li kienet waħda ta’ ħabs sospiża, hija skużat ruħha.
Is-sieħeb tagħha Johan Sultana kien ġie kundannat tliet snin ħabs wara li nstab ħati li mexxa burdell fil-Fgura u ieħor fil-Mosta kif ukoll instab ħati ta’ ħasil ta’ flus.
Cutajar ingħatat sentenza sospiża mill-Maġistrat Frendo Dimech wara li nstabet ħatja li kienet ukoll tmexxi l-burdell flimkien permezz ta’ ‘massage parlours’ u li saret reċidiva. Hija ma nstabitx ħatja ta’ ħasil ta’ flus. Il-prosekuzzjoni fuq il-każ tat-theddid tmexxiet mill-Ispetturi Daryl Borg u Gabriel Micallef.
//= $special ?>