Internazzjonali

Nepal: Jirkuperaw numru ta’ katavri mit-tiġrif tal-ajruplan

L-iskwadri tas-salvataġġ fin-Nepal irkupraw 14-il katavru mis-sit ta’ fejn iġġarraf ajruplan żgħir tal-linja Nepaliża Tara Air u li kien qed iġorr 22 persuna. It-traġedja seħħet nhar il-Ħadd fid-distrett ta’ Mustang u f’ħin meta l-ajruplan kien għaddej b’titjira li ma kellhiex iddum aktar minn 20 minuta.

Intant, f’nofs it-titjira, il-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru tilfu l-kuntatti mal-pilota tal-ajruplan tat-tip Twin Otter u jidher li t-tiġrif seħħ xi minuti wara u f’ħin meta l-ajruplan suppost li kellu jasal fid-destinazzjoni tiegħu.

Is-sit tat-tiġrif jinsab mal-ġenb ta’ muntanja u fl-aħħar sigħat kienet għaddejja tfittxija għan-nies l-oħra li kienu fuq l-ajruplan u li ma dehrux aktar.

Kien ikkonfermat li 16-il Nepaliżi, erba’ Indjani u żewġ Ġermaniżi kienu fuq l-ajruplan waqt it-titjira fatali – bit-tfittxija għall-vittmi ssir fost il-maltemp u ‘kumplikazzjonijiet dovuti għall-partijiet inaċċessibbli tal-muntanja’.

Madankollu, l-iskwadri tas-salvataġġ irnexxielhom isibu ħafna mill-fdalijiet tal-ajruplan wara tfittxija li damet aktar minn 24 siegħa,

L-ajruplan Twin Otter –manifatturat mill-kumpanija Kanadiża de Havilland – kien beda l-aħħar vjaġġ mill-belt ta’ Pokhara, li hi magħrufa għat-turiżmu, bil-ħsieb li jasal f’Jomson li hu sit popolari ħafna mat-turisti u d-devoti li jkunu għaddejjin bil-pellegrinaġġi.