Julie Zahra, PN
Id-deputat Nazzjonalista Julie Zahra pproponiet fl-Aġġornament tal-Parlament li hekk kif il-Kostituzzjoni ta’ Malta tiddikjara f’Artikolu 8 li l-Istat għandu jġib ‘il quddiem l-iżvilupp tal-kultura, dan l-Artikolu jiġi emendat u miegħu tiżdied ukoll l-arti.
Dan għaliex it-tnejn huma distinti minn xulxin, iżda f’sinteżi komuni, u għalhekk anki l-liġi suprema ta’ pajjiżna tagħraf fid-dikjarazzjoni ta’ prinċipji tagħħa li l-Istat għandu jġib ‘il quddiem l-iżvilupp tal-kultura u l-arti.
Julie Zahra sostniet li lkoll nafu li pajjiż san, żviluppat u modern, ma jitkejjilx biss fuq l-iżvilupp ekonomiku jew dak soċjali, imma anki fuq dak kulturali. Kull Stat madwar id-dinja hu magħmul minn ħsibijiet differenti, tradizzjonijiet u minn drawwiet li pajjiż jkun wiret matul iż-żminijiet.
Dak li jgħaqqad kollox flimkien u li jiddistingwi Stat minn ieħor, poplu minn ieħor, hu propju l-aspett kulturali tiegħu. Għalhekk, m’hemmx dubju li l-kultura hi parti fundamentali mill-bażi tal-iżvilupp ta’ kull poplu, u mhux l-anqas dak Malti.
Il-kultura għalhekk hi riflessjoni ħajja tal-komunita’ tagħna, kemm dik lokali kif ukoll dik nazzjonali u hija fattur importanti ta’ kif din l-istess komunità iġġib ruħha u tikber flimkien.
Fejn tagħtina sens ta’ appartenenza lil xulxin, u tiddefinixxina minn oħrajn, għaliex fiha nfisha tagħti sens ta’ konnessjoni lin-nazzjonalità. Hu għalhekk li l-kultura hi parti mill-għaqda nazzjonali, u l-bżonn li l-Istat ikompli jsaħħah u jkabbar il-valuri tagħha.
Aktar ma jkun hemm aspetti differenti fi ħdan kultura waħda, aktar isservi bħala għodda biex ittejjeb l-ekonomija ta’ pajjiż, u meta l-Istat ikun kapaċi jħajjar aktar persuni li permezz tal-ħiliet, l-għerf u l-kreattività tagħhom, jimirħu f’dan is-settur, jinħolqu aktar opportunitajiet ekonomiċi importanti għat-tkabbir u l-progress ekonomiku tas-soċjetà tagħna. L-arti hi espressjoni waħda tal-kultura.
Espressjoni ħajja mimlija emozzjonijiet kreattivi. Kont għedt li nieħduhom for granted. Ġibt l-eżempju ta’ x’jagħmel persuna kif jidħol fil-karozza tiegħu, cioè li jixgħel il-mużika, ta’ kif wieħed jista’ jimmaġina bar jew restaurant mingħajr mużika, ta’ ħitan ta’ djar, uffiċċji jew postijiet oħrajn mingħajr pitturi, pjazzez miftuħa jew mużewijiet mingħajr skulturi, orkestra mingħajr mużiċisti jew issa li bdew il-festi tal-bliet u l-irħula tagħna, wara nuqqas ta’ sentejn minħabba fil-pandemija, festa mingħajr banda.
Il-kultura u l-arti, huma parti integrali minn ħajjitna. Huma parti mill-kwalita’ tal-ħajja tagħna. Iżda qegħdin nagħtu lil dan is-settur verament l-apprezzament li jisħoqqlu? Qegħdin verament nagħtuh id-dinjità tiegħu? Jew fis-sistema edukattiva tagħna qegħdin nittrattaw dawn issuġġetti bħala mhux importanti għaliex bihom ma’ ssir xejn u ma tilħaq imkien, jew lil min jirnexxilu jidħol fih inqisuha bħala karriera second jew third class?
Dejjem emmint fl-importanza tal-edukazzjoni. L-edukazzjoni hi l-bażi ta’ kull persuna. Għalhekk, irridu tassew nindirizzaw is-settur tal-arti u l-kultura mill-qiegħ nett u naħdmu biex nibdlu l-ħsieb tagħna f’wieħed fejn tassew inkunu qegħin inrawmu lit-tfal tagħna biex iħobbu u japprezzaw aktar l-arti u l-kultura, u nimmotivawhom u ngħinuhom bis-sħiħ.
Dan irridu nagħmluh billi suġġetti fejn tidħol l-arti bħal tpinġija, mużika, xogħol artistiku manwali jkunu parti mill-kurrikuli nazzjonali u fejn dawn is-suġġetti jittieħdu aktar bis-serjetà.
X’hemm isbaħ li permezz tal-espressjonijiet kulturali u artistiċi tagħhom jgħidu – dan ħloqtu jien – għaliex soċjetà ħajja hi ħajja grazzi għal kultura u l-arti li jtuna identità u huma parti mill-prinċipji fundamentali tagħna. Se nkun qed inressaq mozzjoni quddiem din il-Kamra, biex kif il-Kostituzzjoni ta’ Malta tiddikjara f’Artikolu 8 li l-Istat għandu jġib il-quddiem l-iżvilupp tal-kultura, dan l-Artikolu jiġi emendat, u miegħu tiżdied ukoll l-arti, għaliex it-tnejn huma distinti minn xulxin, iżda f’sinteżi komuni, u għalhekk anki l-liġi suprema ta’ pajjiżna tagħraf fid-dikjarazzjoni ta’ prinċipji tagħħa li l-Istat għandu jġib ‘il quddiem l-iżvilupp tal-kultura u l-arti.
Ikun turija ċara ta’ kemm dan il-Parlament, u allura l-Oppożizzjoni u l-Gvern flimkien, jirrikonoxxu l-importanza tal-arti, u jagħtuha posta, kif inhu xieraq fl-ogħla liġi ta’ pajjiżna, u cioè il-Kostituzzjoni.
L-Oppożizzjoni tkellmet kemm il-darba li rridu nassiguraw li jkun hemm aktar rispett lejn lgħalliema u l-professjoni tagħhom, u anki hawn, dawk l-għalliema li jgħallmu ċeru suġġetti marbuta mal-arti u l-kultura.
Hekk biss jista’ l-istudent jiffoka u japprezza kull suġġett u mhux billi s-sistema edukattiva stess tagħti lil ċertu suġġetti anqas importanza minn oħrajn. Għalhekk għandna nies b’kapaċitajiet differenti u ħolm differenti u għalhekk hu d-dmir tal-Istat Malti li jassigura li jipprovdi l-qafas u s-sistema biex dan iseħħ. B’hekk inkunu nistgħu napprezzaw il-kreattività ta’ kull artist, fejn l-arti innifisha tagħti identità u kontribut lil kultura u l-wirt nazzjonali ta’ pajjiżna.
Irrid insemmi wkoll, għalkemm ma tantx baqali ħin, sejra nkun qegħda nitkellem aktar fid-dettal fuq il-wirt nazzjonali u l-industrija tal-films, li tagħhom jien ukoll kelliema, f’okkażjonijiet oħra viċin, l-importanza li nirrispettaw u nissalvagwardjaw il-wirt nazzjonali ta’ pajjiżna.
Għaliex anki dan hu parti ntegrali mill-kultura tagħna, u kif għidt filbidu, dawn is-setturi kollha b’mod dirett, kif ukoll indirett, għandhom rabta intrinsika wieħed mal-iehor.
Il-fatt li tul is-sekli, diversi ċiviliżazzjonijiet raw il-pożizzjoni ġeografika ta’ Malta ta’ natura strateġika għalihom, wassal biex writna legat imprezzabbli ta’ wirt storiku sinnifikanti li bih għandna nkunu aktar minn kburin. Nittama li meta ngħid kburin, ma jfissirx li wieħed iħossu liberu li fl-imħabba għamja li jkollu lejn dan il-wirt, jiddeċiedi li jaħseb li hu tiegħu u jpoġġi xi biċċa ħdejn il-pool tad-dar, qisu xejn m’hu xejn, iżda li japprezzah u jippreservah għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.
Anki hawn, naf li bħala Stat nistgħu nagħmlu ħafna iktar, kemm għalina bħala poplu kif ukoll għal min iżur lil pajjiżna u jitpaxxa b’dan il-wirt.
//= $special ?>

