Mara ta’ 35 sena residenti Ħal Tarxien inżammet arrestata wara li lanqas biss saret talba għall-pleġġ fuq akkużi ta’ diversi serqiet minn supermarkets. Id-difiża talbet iżda biex hija tinżamm fit-taqsima forensika tal-isptar Monte Carmeli minħabba l-problema li għandha.
Il-prosekuzzjoni ma oġġezzjonatx għal din it-talba li saret fil-konfront ta’ Tiziana Attard bil-Maġistrat Elaine Mercieca tinforma lid-Direttur tal-ħabs għat-tali talba. Il-mara ġiet mixlija bi tmien akkużi ta’ serq minn supermarkets fiż-Żejtun, Fgura u Tarxien.
L-allegat serq sar bejn l-20 u s-27 ta’ Mejju ta’ din is-sena. Minbarra supermarkets hija ġie mixlija wkoll li serqet minn katina ta’ ħwienet tal-ikel li huma forma ta’ mini-markets u li b’kollox serqet minn ħames kumpaniji tal-ikel differenti. Il-ħinijiet tas-serq kien isir bejn is-6.00am u s-7.30pm.
Attard ġie ġiet mixlija wkoll li naqset milli tħares il-kundizzjonijiet imposti fuqha mill-Qorti meta ingħatat il-pleġġ wara li kienet akkużata li f’Lulju 2020 wettqet diversi serqiet fosthom minn dar ta’ anzjana ta’ 77 sena minn Raħal Ġdid. Hija kienet ġiet akkużata b’serq aggravat ta’ apparat elettroniku, consoles tal-logħob, apparat tas-sound, u handbag, kif ukoll li għamlet ħsara fuq karozza.
Għall-imputata deher l-Avukat Simon Micallef Stafrace filwaqt li l-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Doriette Cuschieri, Sarah K Zerafa u Paul Camilleri.
//= $special ?>