Lokali

Anzjan fil-periklu tal-mewt wara li waqa’ waqt li kien qiegħed jagħlef l-annimali

Raġel ta’ 82 sena residenti San Ġwann, sofra ġrieħi serji wara li waqa’ minn għoli f’residenza f’San Ġwann.

Il-każ seħħ ilbieraħ, meta għall-ħabta tal-4:20pm intalbet l-assistenza tal-Pulizija fi Triq Birkirkara.

Minn stħarriġ preliminari li sar irriżulta li r-raġel waqa’ waqt li kien qed jagħlef l-annimali.

Fil-post issejjaħ tim mediku u r-raġel ittieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza. Aktar tard hu ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi serji u jinsab fl-ITU jissielet għal ħajtu.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Elaine Mercieca li fetħet inkjesta, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.