Internazzjonali

Awstralja: Anthony Albanese jaċċerta minn Gvern ta’ maġġoranza

Il-Gvern ġdid Laburista mmexxi mill-Prim Ministru Anthony Albanese, aċċerta minn maġġoranza fil-Parlament, skont ma kkonfermaw l-analisti tal-elezzjoni ġenerali li saret fl-Awstralja fil-21 ta’ Mejju.

Il-partit taċ-ċentru-xellug fil-Gvern dakinar irnexxielu jegħleb lill-koalizzjoni konservattiva tal-eks Prim Ministru Scott Morrison u ‘il quddiem, beħsiebu jdaħħal numru ta’ riformi – fosthom l-impenji biex l-Awstralja tilħaq numru ta’ tragwardi ambizzjużi bil-għan li tonqos l-emissjoni tal-greenhouse gases.

Il-konferma tal-maġġoranza għal Albanese ingħatat wara jiem ta’ inċertezza u meta sa ftit ilu ma kienx ċert jekk il-Prim Ministru ġdid kienx se jkollu mandat qawwi biex jiggverna wara l-vot rekord għall-kandidati indipendenti u l-partiti f’minoranza.

Iżda issa Albanese aċċerta minn 76 siġġu fil-kamra t’isfel tal-Parlament Awstraljan wara li daħlu riżultati favorevoli għalih minn xi ‘lokalitajiet diffiċli’.

Madankollu – u waqt li Albanese mhux se jkollu jiddependi mill-vot tal-Partit tal-Ħodor u tal-indipendenti fil-Kamra tar-Rappreżentanti — is-sitwazzjoni fis-Senat hi differenti għaliex hu se jeħtieġ l-appoġġ tal-partiti l-oħrajn biex ikun jista’ jgħaddi xi liġijiet..

Fl-elezzjoni li għaddiet, madwar terz tal-Awstraljani kienu vvutaw għall-kandidati li ma jiffurmawx parti mill-partiti tradizzjonali – u fejn sploda l-appoġġ popolari għall-Ħodor u l-kandidati indipendenti li qegħdin jippromwovu politika favur il-klima.

Min-naħa tiegħu, Anthony Albanese wiegħed ‘relazzjoni kostruttiva’ mal-partiti li jridu jikkooperaw miegħu fuq l-issues nazzjonali u meta fl-aħħar sigħat huwa ħabbar il-Kabinett ġdid Awstraljan li se jkun qed imexxi mis-sede tiegħu f’Canberra.