Bulgaru ta’ 47 sena li fl-2013 kien ġie kkundannat tliet snin ħabs wara li f’pajjiżu nstab ħati li kkommetta stupru nżamm arrestat wara li pajjiżu għamel talba għall-estradizzjoni tiegħu mal-Pulizija Maltija. Tencho Gospodinov Tenev tressaq quddiem il-Maġistrat Leonard Caruana fejn wara li sarulu xi mistoqsijiet huwa qal li mhux lest li jagħti l-kunsens tiegħu biex jiġi estradit lejn il-Bulgarija.
Tenev minn Svilengrad, li ilu jgħix Malta sitt snin joqgħod Ħaż-Żabbar u li huwa miżżewweġ u għandu tifla qed jikkontesta l-estradizzjoni tiegħu bil-każ tiegħu bil-każ tiegħu issa għandu jinstema’ quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech.
Fil-qorti ħareġ li huwa kien ġie kundannat f’Marzu tal-2013 mill-Qorti Bulgara u f’Malta huwa ġie arrestat nhar il-Ħadd li għadda fid-9.30 p.m. wara rejd li sar fl-appartament tiegħu fejn minn sorsi ta’ min jorbot fuqhom fil-post insabu xi pjanti tal-cannabis.
Wara li tressaq l-Avukat Roberto M ontalto għamel talba għall-ħelsien mill-arrest tal-klijent tiegħu, liema talba sabet oġġezzjoni mill-prosekuzzjoni, li qalet li dan huwa każ fejn ma hemmx il-preżunzjoni tal-innoċenza. Qalet li l-każ tiegħu wieħed magħluq.
L-Avukat Montalto qal li l-punt tal-prosekuzzjoni huwa wieħed valida iżda dan huwa każ li jmur lura s-snin u li pajjiżu wara aktar minn disa’ snin iddeċieda li jieħu azzjoni issa. Qal ukoll li l-klijent tiegħu lanqas biss huwa konxju mill-proċeduri li saru kontrih f’pajjiżu.
L-Avukat qal ukoll li Tenev mhux biss ilu jgħix Malta għal aktar minn sitt snin fejn għandu familja, iżda għandu mpieg fiss, iħallas it-taxxa u l-bolla u anke, f’każ li l-Qrati u l-awtorijiet jiddeċiedu li jiskonta tali sentenza, lest li jagħmilha f’Malta.
Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u dan minħabba li s-sentenza hija waħda definittiva u li huwa ħarab mill-Bulgarija u li nstab ħati ta’ reat ta’ stupru. L-Avukat Roberto Montalto deher għal Bulgaru, l-Ispettur Mark Galea ressaq lil Tenev u mexxa l-prosekuzzjoni flimkien mal-Avukati Ylenia Maria Abela u Daphne Mallia, f’isem l-Avukat Ġenerali.