Internazzjonali Lokali Unjoni Ewropea

“F’idejna għandna l-potenzjal sabiex inġibu bidla pożittiva” – Beppe Galea

“Aħna ż-żgħażagħ, f’idejna għandna l-potenzjal sabiex inġibu bidla pożittiva li tant għandna bżonn”. Hekk qal iċ-Chairman tal-Istudenti Demokristjani Ewropej Beppe Galea meta kien qed jindirizza l-Kungress tal-EPP.

Huwa qal li din il-laqgħa qed tgħaqqad liż-żgħażagħ ilkoll flimkien f’mument meta l-Ewropa għaddejja minn trasforamzzjonijiet kbar fosthom tranżizzjoni ekoloġika u diġitali kkaratterizzata mill-inċertezza ekonomika u tas-sigurta.

Apparti dawn hemm ukoll l-effett tas-suq tax-xogħol fraġli, tibdil fil-klima u l-pandemija tal-Covid. Beppe Galea qal li l-ġenerazzjoni żagħżugħa tal-lum se tkun qed tgħix il-konsegwenzi tad-deċiżjonijiet li jittieħdu issa. Filwaqt li jinsab fiduċjuż li ż-żgħażagġ huma kapaċi jsibu soluzzjonijiet għall-problemi li qed taffaċċja d-dinja.

Huwa qal li ż-żgħażagħ għandhom valuri u viżjoni li taspira għal dinjità lejn kulħadd…. mentalità li taħseb fil-futur għall-iżvilupp u l-bidla fil-komunitajiet u s-soċjetajiet.

Fid-diskor tiegħu Beppe Galea qal li huwa importanti li jkun żgurart li leħen iż-żgħażagħ jinstema’… mhux ta’ dawk iż-żgħażagħ li huma parti mill-Unjoni Ewropea iżda wkoll ta’ dawk l-attivisti żgħażagħ fl-Albanija, l-Armenja, il-Ġeorġja, il-Libanu, il-Moldova, il-Maċedonja ta’ Fuq u anke lil dawk Ukreni.

Huwa temm id-diskors tiegħu billi qal li ż-żgħażagħ mhumiex il-mexxejja tal-futur, iżda huma diġà l-mexxejja tal-lum li jridu jirrikonoxxu r-responsabbiltà li din iġġib magħha.