Internazzjonali Lokali Unjoni Ewropea

“Flimkien, l-Ewropa se toħroġ b’saħħitha aktar minn qatt qabel” – Bernard Grech

“Id-drittijiet fundamentali li fuqhom hija bbażata l-Unjoni Ewropea mhumiex ostakli għal soluzzjoni, iżda gwida lejha. Nemmen li flimkien, bħala l-Partit Popolari Ewropew, l-Ewropa mhux biss se toħroġ minn dan il-kapitlu, iżda se toħroġ saħansitra aktar b’saħħitha minn qabel, f’futur kondiviż mal-Ukrajna.”

Kien dan il-messaġġ li wassal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta t-Tlieta kien qed jindirizza s-Summit tal-Partit Popolari Ewropew li tlaqqa’ f’Rotterdam.

Filwaqt li estenda s-solidarjetà tal-Partit Nazjonalsita mal-poplu Ukren, Bernard Grech saħaq li l-gwerra fl-Ukrajna bla dubju qed tħalli l-impatt tagħha fuq il-kontinent kollu. Il-President Ukren Volodymyr Zelensky stess qal li l-gwerra li jinsab għaddej minnha pajjiżu, hija wkoll gwerra li għaddej minnha kulħadd.

Bernard Grech qal li l-Partit Nazzjonalista jagħraf li l-ksur ta’ prinċipji fundamentali tal-liġi internazzjonali bħall-integrità territorjali ta’ stat nazzjon jipperikola l-pajjiżi kollha li jirrispettaw il-liġi.

Saħaq li fil-kuntest tat-tibdil fil-klima, il-bidla fl-enerġija għandha tikkumplimenta l-bidla ‘l bogħod mill-enerġija Russa… fejn l-Ewropa eventwalment trid tieqaf mid-dipendenza tagħha fuq il-fossil fuels, aktar u aktar meta dawn jiġu fornuti minn tip ta’ reġimi li ma jaħsbux darbtejn qabel jinvadu nazzjon sovran.

Bernard Grech fakkar kif huwa obbligu ta’ kulħadd li nħarsu s-saltna tad-dritt fil-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea. F’dan ir-rgiward, il-Partit Nazzjonalista huma kommess li se jkompli bil-ġlieda tiegħu kontra l-korruzzjoni.

Intant, matul il-ġurnata l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech kellu numru ta’ laqgħat ma’ bosta Mexxejja Ewropew, kif ukoll mal-President tal-EPP Donald Tusk u mal-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursola Von Der Leyen. Huwa ltaqa’ wkoll mal-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola, mas-Segretarju tal-Grupp Parlamentari tal-EPP Simon Busuttil u l-MEP Nazzjonalista David Casa.

Jakkumpanjaw lil Bernard Grech għal dan is-Summit kien hemm il-Viċi Kap tal-PN David Agius, is-Segretarju Ġenerali Michael Piccinino u s-Segretarju Internazzjonali Veronica Perici Calascione.