Internazzjonali

Il-Gwerra fl-Ukrajna: L-embargo tal-UE fuq iż-żejt tar-Russja għandu jnaqqas sew mill-‘finanzjament tal-militar tal-Kremlin’

Ukrajna: L-Unjoni Ewropea impenjat ruħha biex, sal-aħħar tas-sena,  twaqqaf l-importazzjoni ta’ ammont sostanzjali ta’ żejt mingħand ir-Russja

Il-Mexxejja tal-Unjoni Ewropea qalu li se jimblukkaw il-parti kbira taż-żejt impurtat mir-Russja sal-aħħar tal-2022. Dan qed isir bħala sanzjoni – jew piena ġdida – għar-Russja wara li l-qawwiet tagħha invadew lill-Ukrajna fl-24 ta’ Frar; bl-offensiva tal-qawwiet tal-Kremlin fl-artijiet Ukreni dalwaqt tagħlaq il-100 ġurnata.

Il-projbizzjoni tal-UE għandha taffettwa lill-kunsinni taż-żejt li qed ikunu trasportati bil-baħar mir-Russja lejn il-pajjiżi tal-Punent u li jammontaw għal madwar żewġ-terzi tal-importazzjonijiet mill-Ewropa.

Madankollu, il-projbizzjoni ma taffettwax iż-żejt li qed jasal lill-pajjiżi Ewropej permezz tal-pipeline u wara li l-Ungerija oġġezzjonat bil-qawwi għal kwalunkwe ostaklu ta’ dan it-tip.

Sadanittant, il-Polonja u l-Ġermanja impenjaw ruħhom biex iwaqqfu l-importazzjoni taż-żejt ‘mill-pipeline’; bl-aħħar miżura tal-UE tfisser li, b’kollox – u maż-żmien — għandha tieqaf l-importazzjoni ta’ madwar 90 fil-mija taż-żejt mir-Russja.

Il-President tal-Kunsill Ewropew, Charles Michel, qal li l-miżura qed telimina sors enormi ta’ fondi għar-Russja li, sallum, qed jintuża mill-Kremlin biex jiffinanzja l-magna tal-gwerra tiegħu fl-Ukrajna.

Fl-istess ħin, il-projbizzjoni taż-żejt hi parti mis-sitt pakkett ta’ sanzjonijiet  fuq ir-Russja li kien approvat waqt summit tal-UE fi Brussell u li kien jeħtieġ il-qbil tas-27 Stati-membri tal-Unjoni.

Ir-Russja, fil-preżent, qed tissupplixxi mas-27 fil-mija taż-żejt u xi 40 fil-mija tal-gass li qed jimpurtaw il-pajjiżi tal-UE. Dan waqt li l-Unjoni Ewropea qed tħallas lir-Russja madwar 400 biljun ewro fis-sena għal dawn ir-riżorsi.

Għalissa, intant, ma jidhirx li hemm xi sanzjonijiet għall-esportazzjoni tal-gass mir-Russi lejn l-Unjoni Ewropea. Madankollu – u minħabba ċ-ċirkustanzi tal-gwerra — spiċċaw iffriżati l-pjani għall-inawgurazzjoni ta’ pipeline tal-gass ġdid mir-Russja għall-Ġermanja.

U r-Renju Unit – li qed tixtri mat-8 fil-mija taż-żejt li għandha bżonn mingħand ir-Russja – impenjat ruħha biex twaqqaf kompletament l-importazzjoni (taż-żejt) minn dan il-pajjiż sal-aħħar tas-sena.

Sadanittant, il-prezzijiet taż-żejt żdiedu xi minuti wara l-aħbar tal-embargo taż-żejt tal-UE fuq ir-Russja. Dan waqt li l-prezz tal-Brent crude qabeż il-$123-il barmil u li hu l-ogħla minn Marzu ‘il hawn.