Ir-Russja qed tgħid li hi lesta titlef dejjem aktar suldati u tagħmir tal-gwerra biex taħtaf il-kontroll tal-belt ta’ Severodonetsk – waħda mill-ibliet prinċipali fir-reġjun tad-Donbas u li ilha ġimgħat iġġarrab il-bumbardamenti bla waqfien mill-qawwiet tal-Kremlin.
U filwaqt li l-Armata tal-Ukrajna qed tiddefendi kull biċċa art ta’ Severodonetsk, ir-Russja taf li kwalunkwe avvanz – żgħir kemm hu żgħir – qed iwassalha eqreb lejn l-objettiv finali; f’dan il-każ il-kontroll sħiħ tad-Donbas, fl-artijiet Ukreni tal-Lvant u fejn ħafna komunitajiet jitkellmu bir-Russu.
Fl-aħħar sigħat, tant kienu ħorox il-bumbardamenti tar-Russi fuq iċ-ċentru industrijali u bnadi oħra ta’ Severodonetsk li l-awtoritajiet lokali ma komplewx jgħoddu l-vittmi.
Il-front tal-gwerra f’Severodonetsk litteralment qasam lil din il-belt min-nofs, bl-awtoritajiet Ukreni fir-reġjun jammettu li s-sitwazzjoni qed tidher gravi minħabba li s-suldati Russi infiltraw l-inħawi tac-centru.
Madankollu, Oleksandr Stryuk, li jmexxi l-amministrazzjoni tal-belt ta’ Severodonetsk, qal li l-qawwiet Ukreni xorta waħda qegħdin jiddefendu bl-aqwa mod li jistgħu ….anki jekk huma inferjuri għall-armata tar-Russja.
Il-bumbardamenti tar-Russi fuq Severodonetsk ma waqfux sal-aħħar sigħat, fost rapporti li l-qawwiet ta’ Moska, issa, qegħdin jokkupaw kważi r-reġjun kollu ta’ Luhansk, fid-Donbas. Dan wara li l-President Russu Vladimir Putin kien iddikjara Luhansk bħala Repubblika Indipendenti fl-Ukrajna, ftit jiem biss qabel l-invażjoni tal-Ukrajna.
L-aħħar rapporti qalu wkoll li l-evakwazzjoni taċ-ċivili minn Severodonetsk kellha tieqaf minħabba x-xita tal-missili tar-Russja li nieżla kontinwament fuq l-inħawi. Madwar 15,000 ċivili Ukreni għadhom maqbudin f’din il-belt.
L-offensiva tar-Russi fil-lvant tal-Ukrajna, intant, għaddejja wkoll fil-belt ta’ Lysychansk, qrib ta’ Severodonetsk. Ghalkemm għalissa, it-truppi Ukreni fl-inħawi qegħdin jiddefendu b’suċċess il-pożizzjonijiet tagħhom .
//= $special ?>