Żewġ suldati oħra tar-Russja spiċċaw ikkundannati għal reati kontra l-poplu waqt il-gwerra tal-Ukrajna. Dan wara li Alexander Bobikin u Alexander Ivanov ammettew ħtija għall-akkużi miġjuba quddiemhom u fejn huma weħlu ħdax-il sena u nofs ta’ priġunerija.
Il-qorti Ukrena ikkonfermat il-verdett wara li kien ippruvat li ż-żewġ suldati kienu membri ta’ taqsima ta’ artillerija tar-Russja li bumbardjat il-miri ċivili, inkluża skola, fir-reġjun ta’ Kharkiv, lejn il-grigal tal-Ukrajna.
Is-suldati, li spiċċaw priġunieri tal-gwerra ftit ġimgħat ilu, semgħu l-konferma tal-verdett minn kaxxa tal-ħġieġ reinfurzat li tqiegħed f’nofs l-awla tal-qorti.
L-avukati difensuri sostnew li ż-żewġ suldati kienu ‘qed jaġixxu skont id-direttivi tas-superjuri tagħhom’, iżda l-qorti xorta waħda sabithom ħatja bħala kompliċi f’reat kontra l-bniedem.
Dan kien it-tieni ġuri relatat mar-reati tal-gwerra fl-Ukrajna mill-bidu tal-invażjoni tal-pajjiż mill-qawwiet Russi – u wara li s-Surġent Russu Vadim Shishimarin kien weħel il-ħabs għal għomru dwar il-qtil brutali ta’ ċivili anzjan li nzertah għaddej fuq rota.
//= $special ?>